“Omm toħlom bl-embrijuni ffriżati u ma tafx kif se ssalvahom”

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li jaf b’ġenituri li għandhom embrijuni ffriżati li jħossu li abbandunaw lil uliedhom. Qal li omm partikolari qaltlu li qed toħlom bl-embrijuni imma mhux qed tara soluzzjoni “kif toħroġ lil uliedha ħajjin minn dan il-ħabs”.

Waqt l-Omelija tiegħu fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu fl-Għarb, Mons. Grech qal li huwa tassew pożittiv li fis-soċjetà jkun hemm koppji miżżewġa miftuħin għall-ħajja.

Huwa qal dan waqt iċ-Ċelebrazzjoni tat-Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf.

“Nistqarr li ġieli bqajt mibluh nara l-kuntentizza ta’ ġenituri li jkunu ġew mgħarrfa li se ikollhom tarbija” qal Mons. Grech. Żied jgħid li mill-banda l-oħra mhux faċli ssabbar omm li titlef tarbija fil-ġuf. Saħaq li jifhem id-dulur ta’ koppji li jbatu bl-infertilità. Spjega li barra li ma jistgħux jaqtgħu xewqathom, “iz-zekzik tan-nies inissel fihom sens ta’ għajb.”

L-Isqof Grech appella lix-xjentisti biex ikomplu jagħmlu riċerka biex jgħinu lil dawn il-koppji. Qal li s-soluzzjonijiet għandhom jirrispettaw il-ħajja umana.