​Omm tirrakkonta t-trawma ta’ ħlas ta’ 21 siegħa

Imogene Seeley, infermiera ta’ 35 sena qalet li minn dejjem kienet taf li t-tifel tagħha se jitwieled kbir, imma żgur ma kinetx qed tistenna li jkun jiżen aktar minn 6 kilo.
Mal-ġurnal The Sun, Seeley spjegat kif kellha tqala normali sat-38 ġimgħa meta l-qabla tagħha nnutat li żaqqa kienet pjuttost akbar min-normal.
Seeley qalet li kienet 11-il jum tard għall-jum tal-ħlas u meta daħlet l-isptar biex jibdewlha l-proċess tal-ħlas, l-esperjenza ma kienet sempliċi xejn. Wara 21 siegħa, kemm hi kif ukoll it-tifel tagħha Harry it-tnejn kienu qed ibatu. F’dak il-punt, it-tobba ddeċidew li jkun aħjar jekk issir ċesarja. Però, peress li Harry kien diġà kważi rnexxielu joħroġ minn ġuf ommu, Imogene Seeley ma kellhiex għażla oħra ħlief dik li tkompli l-proċess b’mod naturali.
L-omm stqarret li meta twieled Harry, kulħadd fl-isptar kien sorpriż bid-daqs tiegħu. Però, l-istorja ma ntemmitx hawn hekk kif it-tobba indunaw li ċ-ċkejken Harry ma kienx qed jieħu nifs u kien diġà beda jinbidel f’kulur vjola.
Grazzi għall-intervent mediku f’waqtu, Harry irnexxielu jirkupra u issa għandu 4 snin u jinsab qawwi u sħiħ.
Ommu qalet li minħabba d-daqs ta’ Harry, ħwejjeġ tat-trabi li għadhom jitwieldu diġà kienu jiġuh żgħar, iżda issa għandu piż normali għad-daqs tiegħu.