Omm tirrakkonta kif l-istigma wasslet lil binha jmut b’suwiċidju

Juan Pablo Arenas, Pexels

Read in English.

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali John Cachia rrakkonta kif minn telefonata li rċieva mingħand omm, irriżulta li kienet l-istigma li wasslet lil binha jmut b’suwiċidju.

Dr Cachia kien qed jindirizza lill-midja waqt il-konferenza annwali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatrija dwar il-prevenzjoni tas-suwiċidju u tal-imġiba ta’ persuna milli tagħmel ħsara lilha nnifisha.

Il-Kummissarju rrimarka li rċieva din it-telefonata dan l-aħħar u li kienet titratta mewta li seħħet is-sena l-oħra. Irrakkonta kif dan it-tifel wasal biex jagħmel suwiċidju tort tal-istigma li kien hemm fuq iz-zija tiegħu li kienet pazjenta fl-Isptar Monte Karmeli. Semma fost l-oħrajn il-mod kif kienu jitkellmu dwarha dawk li jafuha u kif din l-imġiba xekklet il-kuraġġ taż-żagħżugħ li jfittex l-għajnuna hu stess. Stqarr li l-omm qaltlu li binha kien joqgħod ħafna waħdu d-dar u ma jfittex jew ikellem lil ħadd.

Fakkar f’dak li riċentament talbu grupp ta’ żgħażagħ biex tieqaf l-istigma dwar li wieħed jitkellem fuq is-suwiċidji. Fl-istess ħin appella lill-professjonisti tas-saħħa mentali biex jiftakru fir-responsabbiltà soċjali li għandhom, kif ukoll lill-midja biex jirrappurtaw imwiet b’suwiċidju b’mod li jnaqqsu l-istigma kif ukoll l-eventwalità li jsiru.

Irridu nitkellmu dwar is-saħħa mentali b’mod trasparenti – żagħżugħ

“Missier ma kienx jaf x’se jwieġeb lil ibnu”

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatrija, Dr Nigel Camilleri, stqarr li l-midja għandha tirrapporta każi ta’ suwiċidju. Fi kliemu din tgħin lill-familja biex tagħlaq il-każ psikoloġikament.

Min-naħa tagħha, Daniela Calleja Bitar, Chief Operations Officer tal-Fondazzjoni Richmond semmiet li tifel ta’ ħames snin staqsa lil missieru għaliex ikun hemm min joqtol lilu nnifsu, bil-missier iwieġbu li ma jafx. Il-missier qalilha li wara rrifletta fuq dak li kien għadu kif staqsieh ibnu u rrealizza l-bżonn li t-tfal jiġu mgħallma dwar is-saħħa mentali tagħhom.

Waqt il-konferenza mal-midja ssemmiet ukoll is-sitwazzjoni fl-Isptar Monte Karmeli, biċ-Chairperson tal-Psikjatrija Dr Anton Grech jinsisti li s-servizz li jingħata fl-Isptar huwa tajjeb u mhux ħażin bħall-qagħda tal-bini. Stqarr li sfortunatament hemm l-istigma li kull min ifittex l-għajnuna jispiċċa f’dan l-isptar.

Jekk tħossok imdejjaq, anzjuż jew għandek xi problema oħra u tixtieq tfittex l-għajnuna, ikkuntattja lil dawn: Kellimni.comAġenzija SapportSedqaOASI Foundation, Richmond Foundation jew 

Aqra: Ommijiet bi sfidi mentali se jkollhom dar għalihom f’Bormla