Omm tieħu lill-iben pajjiż ieħor; il-missier jinsisti li jħallas il-manteniment

Missier mar hu stess għand il-Qorti tal-Familja biex jitlobha tordnalu jħallas il-manteniment lil ibnu li qed jgħix m’ommu barra minn Malta.

Il-missier, li huwa Malti, spjega lill-Qorti li omm ibnu, ta’ nazzjonalità Marokkina u Franċiża, ħarbet minn Malta f’Jannar li għadda bit-tifel ta’ 11-il xahar magħha. Hija ħaditu magħha l-Marokk.

Huwa qal li għamel minn kollox biex jara lil ibnu, imma kull meta kien imur il-Marokk, dejjem kien jinqala’ xi intopp, u ma kinux iħalluh jara lil ibnu għal ħin twil, u dejjem kien ikun hemm xi ħadd ieħor preżenti. Saħansitra darba minnhom l-omm aggrediet lill-missier, u spiċċat l-għassa, iżda ma bdietx titla’ tidher quddiem il-Qorti Marokkina biex taffaċċja l-akkużi tal-aggressjoni li użat fuq il-missier.

Stqarr mal-Qorti li wara li ibnu għeb minn Malta, huwa xorta baqa’ jħallas €300 fix-xahar għall-manteniment tiegħu.

L-Imħallef Abigail Lofaro nnutat li l-missier verament xtaq ikun missier tajjeb tant li wasal biex jitlob lill-Qorti ordni ta’ manteniment fuqu nnifsu. Għalhekk, hija laqgħet din it-talba u ħarġet ordni ta’ manteniment fuq il-missier, u laqgħet ukoll it-talbiet tal-missier biex ikollu aċċess għal ibnu permezz ta’ telefonata kuljum u bi żjarat regolari f’Malta.