Il-Pulizija tinvestiga allegazzjonijiet ta’ omm li qalet li binha ssawwat mill-Pulizija

Il-Pulizija qed tinvestiga l-allegazzjonijiet li għamlet omm it-tifel ta’ 12-il sena li lbieraħ inqabad isuq BMW fil-Ħamrun.
L-omm qed tallega li binha ġie msawwat mill-pulizija li qabduh.
Ma’ Newsbook.com.mt, Alison irrakkuntat  kif binha ħadilha l-karozza li hi ħalliet f’nofs l-isqaq, sakemm daħħlet ix-xirja d-dar.
Spjegat li hi ma ndunatx b’li ġara sakemm kwarta wara semgħet is-sireni u ħasbitha ambulanza.
“Bdejt nisma’ aktar minn sirena waħda u ħriġt barra u l-karozza ma sibthiex. Sakemm qed infittex iċ-ċwievet ġew tnejn minn sħab it-tifel jiġru u qaluli li qabduh il-Pulizija u li għandu wiċċu mimli demm,” żiedet tgħid Alison.
L-omm esprimiet ix-xokk tagħha għax ħasbet li binha weġġa’ lil xi ħadd.
Kompliet tgħid li malli marret fuq il-post sabet lil binha b’wiċċu kollu demm, wara li allegatament laqqat daqqa ta’ manku ta’ revolver fuq nagħsu tax-xellug.
Qalet ukoll li binha li għal sigħat sħaħ baqa’ stordut, għandu qasma fuq in-naħa tal-lemin ta’ rasu.
Alison spjegat li t-tifel qalilha li b’kollox iċċirkondawh tmien pulizija u li tawh daqqa fuq żaqqu biż-żarbun, li użaw kliem baxx fil-preżenza tiegħu u li tawh ix-xokkijiet bit-taser.