Omm ta’ 3 atleti ssir atleta hi wkoll

Hekk kif fi tmiem din il-ġimgħa se ssir l-edizzjoni tal-Malta Marathon, Newsbook.com.mt xtaq jaqsam din l-istorja mal-qarrejja, li turi r-rabta bejn l-isport, il-familja u l-ispiritwalità.
Martha Fitz, omm ta' tliet atleti esprimiet li sa minn ċkunithom uliedha mill-ewwel urew li mhux se jkunu xi ballerini. Rachel, il-kbira, darba minnhom ġiet id-dar bi tliet midalji tal-ġiri wara l-isportsday u l-għalliema taw parir u inkoraġġew lill-ġenituri biex jgħallmuha l-atletika, u għalhekk daħħluha fi klabb. Rebecca, it-tieni wild ukoll qalbet għall-atletika wara li l-kowċ qalilha li kienet tajba ħafna fil-long jump. Iż-żgħira Sarah, ippruvat tennis, volleyball u ġinnastika, imma wkoll spiċċat għażlet l-atletika.
Martha tgħid li l-akkumpanjament tagħha bħala omm ifisser li trid timpenja ruħek għal mill-inqas erba' sessjonijiet ġiri fil-ġimgħa. Hi stqarret li dan jinvolvi sagrifiċċju peress li hija wkoll taħdem u tieħu ħsieb id-dar, "imma bdejt nara li t-tfal daħlu b'impenn, kienu lesti jiddedikaw il-ħin u li dan l-isport sar importanti għalihom."

Ulied Martha ħadu sehem f'bosta kompetizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, inkluż il-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar. "Il-mumenti meta jirbħu l-midalji jnissel ferħ kbir, imma dawn huma mumenti żgħar, hemm ħafna sagrifiċċji, inkluż weġgħat, uġigħ u terapija." Martha emfasizzat l-irwol tal-omm bħala xi ħadd li jakkumpanja, li juri lit-tfal li l-uġigħ huwa parti mill-proċess u ma jistax jiġi evitat: "Inħossni wkoll responsabbli li ninkoraġġihom, li ngħinhom biex jibqgħu sodi meta jibżgħu jew ikunu se jaqtgħu qalbhom."
Martha spiċċat tiġri hija wkoll biex tuża l-ħin li fih tkun qed tistenna lil uliedha. Tgħid li l-ġiri ressaqha lejn Alla "nħoss il-preżenza t'Alla jien u niġri u nara x-xemx tielgħa kmieni filgħodu u f'xi ġirja fit-tul fl-għaxija. Il-ġiri tiegħi għeni wkoll biex nifhem aktar lill-bniet tiegħi u nifhem il-ferħ ta' meta iġġib ħin aħjar f'xi ġirja."

Martha tgħid li l-esperjenza tagħha li ma kinitx tkun daqshekk "rikka u sabiħa" li ma kienx għal żewġha Gordon li dejjem għenha u appoġġjaha f'kulma kien hemm bżonn.

Biex taqra l-istorja kollha żur: http://bit.ly/ChildrensSportsAMothersExperience