Omm ordnata tistenna barra għax binha bl-awtiżmu; Mater Dei mhux infurmat

L-amministrazzjoni tal-isptar Mater Dei ma ġietx infurmata bil-każ fejn omm li binha għandu l-kundizzjoni tal-awtiżmu ġiet ordnata toħroġ mill-waiting room u tistenna barra meta marret għal appuntamemt fl-istes sptar.

Dan ikkonfermah il-Kap Eżekuttiv Ivan Falzon li ma Newsbook.com.mt qal li peress li ma sarx rapport ikun diffiċli li jiġu vverifikati l-fatti kif ġie allegat. Żied jgħid li “t-tim kollu f’Mater Dei kien, għadu u jibqa’ kburi li ta’ kuljum jilqa’ l-bżonnijiet varji tal-eluf ta’ pazjenti li jużaw is-servizzi tal-isptar”.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-każ seħħ ilbieraħ fl-Outpatients tat-tfal fl-Isptar. Waħda mill-ommijiet li kienu fil-waiting room qalet li x’ħin l-omm daħlet biex tistenna għall-appuntament ta’ binha ta’ madwar ħames snin dan kien qed iwerżaq u l-persuna li kien hemm tieħu ħsieb ir-reception ordnata biex tmur u tistenna barra. L-istess mara li rat kollox qalet li meta ħarġet barra sabet lill-omm tibki u titma lil binha.

Dwar dan il-każ kien hemm diversi reazzjonijiet fuq il-midja soċjali fl-aħħar siegħat, speċjalment minn ġenituri ta’ tfal li għandhom il-kundizzjoni tal-awtiżmu. Ħafna wrew simpatija mal-omm li qalu li min jaf kemm tara ma’ wiċċha għax ikun hawn min ma jifhimx din il-kundizzjoni. Oħrajn laqgħu bi stmerrija r-reazzjoni tal-persuna li kienet mar-reception. Kien hemm min qal li hi stramba kif l-operat tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta huwa autism friendly imma fl-Outpatients tat-tfal m’hemmx kamra atrezzatta għal tfal b’din il-kundizzjoni biex ikunu jistgħu jistennew. Diversi ġenituri sostnew li għandu jkun hawn iktar taħriġ biex każijiet bħal dawn ma jseħħux, speċjalment l-Isptar.

Dan l-artiklu ġie aġġornat.