Omm Maltija bi stedina għal min se jkun waħdu dan il-Milied

Hawn min f’dan iż-żmien tas-sena jħossu mdejjaq, għax ikunu waħedhom jew għaddejjin minn żmien diffiċli.  Imma hemm min jaħseb għalihom ukoll.
Janice Caruana, li taħdem bħala infermiera fl-Isptar Mater Dei, se tilqa’ f’darha xi nies, li se jispiċċaw iqattgħu żmien il-festi waħedhom, u b’hekk ikunu jistgħu jiċċelebraw il-Milied magħha, ma’ ħbiebha u qrabatha.
Ma’ Newsbook.com.mt, Janice qalet kif sena ilu għaddiet minn żmien diffiċli hi stess u kienet tħossha waħedha.
“Bl-inkoraġġiment ta’ sħabi stess attendejt festini u għalhekk din is-sena, la nħossni ferm aħjar, nixtieq noffri tbissima lil ħaddieħor,” kompliet Janice.
Janice temmen li kull min jista’ għandu jieħu bi ħġaru din l-inizjattiva u jagħmel bħalha, għax fi kliemha “hawn ħafna nies li għandhom bżonn kumpanija, inkoraġġiment u ftit tal-ferħ, speċjalment f’dawn iż-żminijiet”.
Fissret li kultant, kulma jkollhom bżonn uħud, ikun xi att ċkejken nobbli li jgħinhom jinsew ftit dak li jkunu għaddejjin minnu.
Bit-twemmin li l-eżempju jkaxkar, Janice tgħid li b’din l-inizjattiva tixtieq bi ħġarha tgħallem il-valuri tal-imħabba u r-rispett lil bintha li issa għandha tliet snin.
“Kieku ħafna oħrajn jagħmlu bħali, żgur ħadd ma jħossu mdejjaq. M’hemmx bżonn nistennew li jkunu l-Caritas jew l-Appoġġ biss li jieħdu dawn it-tip ta’ inizjattivi,” żiedet tgħid.
U inti, lest tnissel tbissima fuq fomm ‘stranġier’? Lest għal ftit sigħat tgħinu jinsa li għaddej minn żmien ħażin dan il-Milied?
Newsbook.com.mt u RTK 103FM iħeġġuk biex dan il-Milied tagħti rigal speċjali lil qraba, ħbieb li jinsabu waħedhom, li tqatta’ ħinek magħhom: #tabbandunahomx.