Omm ma tixtrix rigali lil binha biex tfaddallu għad-dar

Omm Ingliża ddeċidiet li qatt ma tagħti rigali tal-Milied lil binha, għax tirraġuna li mhuwiex sewwa li żmien il-Milied sar sinonimu ma’ xiri bla rażan.

Għalhekk, omm Neil li għandu sentejn, iddeċidiet li ma tkunx parti minn dal-infiq kollu u minflok ma tonfoq mijiet fuq rigali għal binha, il-flus tfaddalhom f’kont bankarju għal meta binha jikber u jkollu dar.

Neil mhux talli ma jkollux rigal u kalzetta mimlija fil-Milied mingħand ommu, imma lanqas mingħand Santa Klaws. F’għeluq sninu Neil ma jirċevix rigal mingħand ommu lanqas.

L-omm spjegat kif hi u żewġha m’għandhomx problemi finanzjarji, imma ma jixtiqux li jfissdu lil binhom billi jixtrulu affarijiet li m’għandux bżonn. Hija qalet li llum il-ġurnata, il-ġenituri qed jaffaċċjaw pressjoni kbira mill-midja soċjali biex jixtru ħafna rigali lil uliedhom tal-Milied.

Neil kien twieled qabel iż-żmien, u kien hemm biża’ li ma jirnexxilux isalva. Għalhekk, ommu qalet li l-isbaħ rigal li seta’ jkollu binha kien li jgħix.