Omm liberata mill-Qorti tal-Appell dwar trattament ħażin tat-tfal

Miguela Xuereb

Il-Qorti tal-Appell illiberat omm li qabel kienet instabet ħatja ta’ trattament ħażin tat-tfal tagħha.

Il-każ beda fl-2017 meta ż-żewġ subien tagħha marru joqgħodu d-dar tagħha fi tmiem il-ġimgħa meta kellha l-aċċess għalihom. It-tensjoni żdiedet u l-inċident wassal biex l-omm spiċċat il-Qorti.

Jidher li kollox beda meta s-subien, li kellhom 10 u 15-il sena, ma riedux jinħaslu meta ġew lura mill-baħar. Issakkru fil-kamra tagħhom u ma ridux jieklu. L-għada ppruvaw jaħarbu mid-dar diversi drabi u ġew fl-idejn ma’ ommhom.

Ġew ippreżentati filmati tas-CCTV bħala parti mill-evidenza fil-Qorti.

Missier is-subien kien għamel rapport tal-pulizija kontra l-mara. Din tressqet il-Qorti u nstabet ħatja.

Wara, il-Qorti tal-Appell innutat li kien hemm verżjoniet differenti dwar x’kien ġara dakinhar. L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li għalkemm l-omm ma riditx tweġġa’ lit-tfal tagħha għal t’apposta kien ikun aħjar li kieku ċemplet l-Appoġġ għall-għajnuna.

Il-Qorti tal-Appell ħassret id-deċiżjoni tal-ewwel qorti kontra l-omm.

L-avukat tad-difiża kien Michael Tanti Dougall.