Aġġornata: Omm l-akkużat bi żball, tiddikjara x’seħħ mal-Ministeru tal-Ġustizzja

B’reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet ta’ Dr Jason Azzopardi, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qal li jerġa’ jtenni li m’għamel ebda kuntatt, imma li fl-istess waqt kien fi dmir li jisma’, lill-vittma ta’ din is-sitwazzjoni u jidderiġieha għal quddiem l-investigazzjoni tal-Police Board.

Il-Ministeru qal li l-affidavit jikkonferma li ħadd mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ma kkuntattja lil Darryl Luke Borg. Jgħid li tant hu minnu li l-affidavit jgħid li kienet terza persuna li m’għandha x’taqsam xejn mal-Ministeru li kellmet liż-żagħżugħ biex imur “ikellem lil xi ħadd”.

Il-Ministeru qal li dan il-fatt waħdu jgiddeb lil Jason Azzopardi u qal li l-Oppożizzjoni qed tipprova timmina l-investigazzjoni tal-Police Board bl-iktar mod sfaċċat.

 

Aktar kmieni:

Dr Jason Azzopardi qed jitlob għar-riżenja taċ-Chief of Staff tal-Ministeru tal-Ġustizzja, Silvio Scerri.

Dan wara li Jane Borg, li hi omm Darryl Luke Borg, li kien akkużat bi żball mill-pulizija, qalet f’avvidavit taħt ġurament li kien Charles Attard, magħruf bħala ż-Żambi li kellem li binha u qallu biex jitkellem ma’ xi ħadd mill-Ministeru tal-Intern.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Dr Jason Azzopardi qal d-dikjarazzjoni tal-omm tikkonferma dak li hu qal il-ġimgħa li għaddiet li c-Chief of Staff, Silvio Scerri, uża lil Attard, li kien instab ħati ta’ reati kriminali, biex ikellem lil Darryl Luke Borg. Dan qabel ma Borg ġie intervistat mill-Bord tal-Pulizija li qed jinvestiga kif dan kien akkużat bi żball.

Il-Ministeru kien qal li kien Borg innifsu li kkuntattja ‘l Ministeru u ħa lil Charles Attard għal-laqgħa li kellu. Attard kien intbagħat il-ħabs b’rabta mal-attentat ta’ qtil ta’ Richard Cachia Caruana fl-1994.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li dak li seħħ juri li l-pożizzjoni ta' Silvio Scerri m'għadiex aktar tenibbli, u qal li dan għandu jirreżenja, filwaqt li semma li llum il-ġurnata jidher li hawn min jaħseb li hu 'l fuq mil-liġi. Qal li trid tintrefa' responsabbilità politika kemm mill-Ministru tal-Intern Manuel Mallia u anke mal-Prim Ministru Joseph Muscat.