Omm Jerome se tieħu t-tbissima ta’ binha l-Albanija

Ġimgħa wara li Jerome tilef il-battalja mal-kanċer, it-tbissima tiegħu għadha ħajja u se tkun qed tħalli Malta biex tferraħ lil min hu batut.
Omm Jerome se tkun qed tħalli Malta lejn l-Albanija biex twassal it-tbissima ta’ binha lill-ħafna familji fqar u tgħinhom biex bħal Jerome jkollhom kuraġġ u qatt ma tonqsilhom it-tama.
“Wara li għaddejna minn erba’ snin ta’ qsim il-qalb, għandna bżonn brejk. Imma se nkomplu bil-missjoni tagħna li npoġġu tbissima fuq wiċċ kulħadd,” kitbet Josette Frendo.
Omm Jerome qed tappella lil dawk kollha li jistgħu jagħtu affarijiet żgħar, bħal stickers, crayons, ħwejjeġ, kalzetti, lapsijiet u affarijiet oħra, biex jikkuntatjawha.
“Ejja naħsbu f’dawk li lanqas għandhom dar aħseb u ara kemm għandhom affarijiet biex jgħixu,” kitbet Josette Frendo. “Jekk iridu dinja aħjar ejja nibdew nagħmlu xi ħaġa aħna stess.
Min jixtieq jgħin lil omm Jerome jista’ jibgħatilha messaġġ privat fuq Facebook jew inkella ibgħat lil Newsbook.com.mt fuq info@newsbook.com.mt.