Omm illiberata mill-appell; kienet se teħel ġimgħa ħabs

Read in English.

Omm ta’ 47 sena ġiet illiberata mill-akkużi kontriha wara li l-Qorti tal-Appell iddeċidiet li kellha tinħeles minħabba li ma kienx hemm ksur ta’ deċiżjoni tal-Qorti. Dan wara li fl-2016, l-omm kienet akkużata li kisret digriet tal-Qorti minħabba li ma tatx aċċess lill-missier għall-wild tagħhom.

Isem l-omm mhux jixxandar biex il-wild ikun protett.

L-Imħallef Giovanni Grixti, mill-Qorti tal-Appell stqarr li skont digriet li ngħata mill-Qorti tal-Familja, l-aċċess kellu jseħħ taħt superviżjoni fl-Aġenzija Appoġġ darba fil-ġimgħa għal siegħa, u f’ħin li tistabilixxi l-Aġenzija Appoġġ.

Il-Qorti kkonkludiet li biex l-omm tkun kisret dan id-digriet, ried qabel xejn ikunu ġew stabbiliti data u ħin għal dan l-aċċess mill-Appoġġ, xi ħaġa li sa dak il-mument kienet għadha ma saritx.

Il-Qorti għalhekk illiberat lill-omm minn kull ħtija.