Omm b’rikors kontra Ministru għax ħadilha t-tfal

Omm ressqet rikors fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta Soċjali kif ukoll kontra l-Avukat Ġenerali għax ħareġ care order għat-tfal tagħha.
Dan hekk kif hija qalet li li l-Gvern ħadilha ż-żewġt itfal, li għandhom tliet snin u ħames snin f’Ġunju li għadda. L-avukati saħqu li min ta parir lill-Ministru biex isir dan ma kellux id-delega uffiċjali.
Għaldaqstant l-avukati tal-omm qalu li dan jikser il-Kostituzzjoni ta' Malta u l-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.
Huma talbu lill-Qorti biex tiddikjara li l-ministru konċernat ma mexiex mal-liġi u talbuha biex tħassar il-proċess li bih inħareġ l-ordni għall-ħarsien fil-konfront tat-tfal.