Omiċidju Victor McKeon: L-akkużat għalaq l-aperturi bit-tape biex ma tinxtammx ir-riħa

qtil Santa Luċija Victor McKeon
CMRU

Read in English.

Fil-Qorti kompla jinstema’ każ dwar il-qtil ta’ Victor McKeon li nstab fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni fil-kamra tal-banju tal-appartament tiegħu.

Fil-Qorti ġie spjegat li r-raġel instab maqtul u miksi fil-boroż tal-plastic u l-aperturi kienu kollha magħluqa minn ġewwa bit-tape. L-Ispettur Hubert Cini qal li l-vittma kien instab fil-kamra tal-banju u kien hemm xugaman jagħlaq il-parti ta’ taħt tal-bieb. Huwa spjega li dan kien attentat biex l-aggressur jipprova jżomm ir-riħa tal-ġisem maqtul milli toħroġ mill-karma. Madankollu l-ġirien xammew din ir-riħa u ċemplu lill-pulizija.

Cini ta’ dawn id-dettalji waqt is-smigħ tal-kumplilazzjoni tal-evidenza kontra Samir Almiri ta’ 35 sena. Huwa qiegħed jiġi akkużat li qalet lil McKeon, li kien jaqsam l-appartament miegħu f’Santa Luċija fis-17 ta’ Marzu li għadda.

L-Ispettur spjega li l-bibien u t-twieqi tal-appartamenti kienu kollha magħluqin u l-pulizija kellha tkisser it-tieqa biex tkun tista’ tidħol. Il-bieb ta’ barra kien magħluq minn ġewwa u kellu ċavetta.

Fl-appartament il-pulizija sabu radju u l-fannijiet mixgħulin u raw li kien hemm oġġetti li magħhom kien hemm id-demm. Il-kamra tal-banju kienet magħluqa wkoll u meta fetħuha sabu l-ġisem ta’ McKeon fil-boroż tal-plastik.

Il-vittma kellu daqqiet f’rasu wara li kien fgat u kellhom isiru testijiet tad-DNA biex tkun ikkonfermata l-identità tal-vittma.

Almiri kien arrestat fil-Marokk u nġib lura Malta fil-Bidu ta’ Diċembru. Huwa kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi.

L-Aġent tal-Ivjaġġar fil-Qorti qal li l-akkużat qata’ biljett mingħajr ritorn għall-Casablanca fil-15 ta’ Marzu, jumejn qabel ma nstab il-ġisem ta’ McKeon.

Fi tmiem din is-seduta l-Maġistrat Joe Mifsud qal li kien hemm biżżejjed evidenza biex l-akkużat jitqiegħed taħt akkuża.

L-avukat George Camilleri deher f’isem l-Avukat Ġenerali u l-ispettur Wayne Camilleri mexxa l-prosekuzzjoni.

L-avukat Joe Brincat deher għall-akkużat.