Oliver Scicluna msemmi għall-Parlament minflok Gavin Gulia – rapporti

Read in English.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà Oliver Scicluna qed jissemma bħala l-persuna li x’aktarx tintgħażel mill-Prim Ministru Robert Abela biex tibda tokkupa s-siġġu parlamentari ta’ Gavin Gulia wara li dan irriżenja ftit minuti biss wara li ħa l-ġurament.

Wara r-riżenja ta’ Edward Scicluna mill-Parlament, tbattal siġġu fuq is-seba’ distrett. Issejħet elezzjoni każwali li saret nhar it-Tlieta li għadda. Fiha kkontestaw Gavin Gulia, Charles Azzopardi u Jeffrey Pullicino Orlando. Ġie elett Gulia, li ħa l-ġurament ilbieraħ, iżda ftit minuti biss wara, huwa ħabbar li se jirriżenja għaliex il-Prim Ministru Robert Abela jixtiequ jibqa’ Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu f’dan iż-żmien ta’ sfida għas-settur.

Dan ifisser li issa huwa f’idejn il-Prim Ministru li jagħżel lil xi ħadd, permezz ta’ koptjar, biex jimla s-siġġu battal fuq is-seba’ distrett.

Diversi rapporti lokali qed isemmu lil Oliver Scicluna, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà. Newsbook.com.mt ipprova jagħmel kuntatt ma’ Scicluna lbieraħ u llum, iżda ma rċieva l-ebda tweġiba. Fost l-oħrajn, ridna nistaqsuh jekk bħala Membru Parlamentari, jibqax il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà.

Scicluna ilu Kummissarju mill-2016, wara li sentejn qabel, kien Chairman tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabbiltà. Jekk jintgħażel hu, din tkun l-ewwel darba tiegħu fil-politika, imma hu diġà poġġa fuq diversi bordijiet governattivi, fosthom tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju.