Oliver Friggieri ppremjat

Il-Professur Oliver Friggieri magħruf bħala l-bniedem għaref u umli ngħata Ġieħ l-Akkademja tal-Malti.
Fl-għeluq is-96 sena mit-twaqqif tal-Akkademja tal-Malti, ġie mniedi dan il-premju li se jibda jonora persuna għall-kontribut siewi li tkun tat lejn il-lingwa u l-letteratura Maltija
Waqt iċ-ċerimonja l-President Marie Louise Coleiro Preca qalet li bit-twaqqif tal-Akkademja tal-Malti twieled is-sens ta’ salvagwardja tal-identità Maltija, għax ħadet fuqha d-dmir li tippreserva u tiċċelebra l-ilsien Malti.
Żiedet tgħid li “jeħtieġ li niċċelebraw il-qawwa tal-wirt tagħna fil-forma kollha tagħha. Jeħtieġ inkunu fidili lejn dak kollu li jagħmilna differenti, li jagħtina l-individwalità u l-identità tagħna, u fl-istess ħin jenfasizza dak kollu li jgħaqqadna mal-oħrajn”.
Il-President ħabbret li fil-bidu tas-sena d-dieħla, il-Palazz ta’ San Anton se jkollu librerija, wara restawr estensiv li qiegħed isir fil-Palazz sabiex jinfetħu kmamar Statali ġodda.
Temmet tgħid  li l-Akkademja tal-Malti se tkun il-kustodju ta’ kollezzjoni ta’ kotba li se jitqiegħdu fil-librerija tal-Palazz, u se tkun maħsuba biex tagħti spazju sabiex jiġu rikonoxxuti l-kittieba Maltin kif ukoll il-Letteratura Maltija.