Oliver Friggieri kien l-aħħar qarrej tal-provi tal-ktieb dwar l-Ark ta’ San Publju

Oliver Friggieri

Fil-jiem wara li tħabbret il-mewt ta’ Oliver Friggieri, kienu bosta dawk li ftaħru li kellhom xi tifkira speċjali ta’ dan il-Malti u Furjaniż kbir ta’ żmienna.

Id-Direzzjoni tal-gazzetta Il-Furjana, li għadha kemm nidiet il-ktieb ‘L-Ark ta’ San Publju tal-Furjana 1899-2019’, hi kburija li Friggieri mhux biss kiteb id-Daħla għall-ktieb, imma fuq xewqa tiegħu stess – meta darba waħda kien l-isptar – kien l-aħħar qarrej tal-ktieb.

Il-gazzetta Il-Furjana ilha tkun pubblikata sa minn Ottubru tal-1953. Oriġinarjament kienet l-organu tal-FSOBA (Floriana School Old Boys Association) li wara saret magħrufa bħala Fsobians, kif kienu jissejħu l-membri tal-Assoċjazzjoni oriġinali. Meta din l-Assoċjazzjoni kienet għaddejja minn kriżi u għal xi żmien waqfet teżisti, l-amministrazzjoni tal-gazzetta għaddiet f’idejn grupp ta’ volontiera Furjaniżi li baqgħu f’kuntatt ma’ Friggieri.

Tant hu hekk li fl-2010 kien kiteb il-lirika tal-Kantata ‘Ħodon Fjuri lil San Publju’  li kienet ġiet mużikata mis-Surmast Raymond Sciberras. U fl-2015 kien wieħed mill-kittieba ewlenin tal-ktieb dwar il-Knisja ta’ San Publju fil-Furjana. Żewġ inizjattivi ta’ suċċess tal-amministrazzjoni attwali tal-gazzetta Furjaniża. Il-lirika tal-Kantata, kif ukoll kwotazzjonijiet minnha, jiffurmaw parti wkoll mill-kontenut tal-ktieb il-ġdid dwar l-Ark ta’ San Publju.

Il-Professur Friggieri, għal xi żmien fis-Snin 80 tas-seklu li għadda, kien ukoll serva bħala editur tal-gazzetta Furjaniża u kien fost dawk li ħadmu biex Il-Furjana reġgħet bdiet tkun pubblikata wara perjodu wieqfa minħabba problemi finanzjarji.

Meta l-Professur Furjaniż kien intalab biex jikteb referenza dwar il-ktieb il-ġdid b’appoġġ għal sforz biex jinkisbu sponsors li jtaffu l-ispejjeż, Oliver Friggieri kiteb  hekk:

“Il-ktieb dwar l-Ark ta’ San Publju m’huwiex opra li tolqot lill-Furjaniżi biss. Jolqot lill-Maltin kollha minn kull belt u raħal oħrajn li bħall-Furjana jagħrfu l-identita’ u s-siwi kulturali tagħhom fis-snajja’, fl-artiġjanat, f’kulma nħadem fl-injam u fil-ġebel u fl-oqsma l-oħra kollha. Dan il-ktieb għandu jolqot il-fantasija u l-memorja ta’ kull ġenerazzjoni li tapprezza l-wirt artistiku tal-lokal.

“Dan hu ktieb li mhux biss hu mitqlu deheb għall-istorja kulturali ta’ post partikolari, iżda hu wkoll eżempju ta’ kif l-arti Maltija mhux biss hi riżultat ta’ ruħ nazzjonali, iżda hi qabelxejn wirt li ta bixra extra-parrokkjali, jiġifieri Maltija, nazzjonali. Kemm il-kumpilaturi u kemm l-awturi ta’ dan il-ktieb joffru dehra sħiħa tal-artiġjanat Malti li juri r-rabta bejn Knisja, partiti politiċi, drawwiet nazzjonali, istituzzjonijiet ċivili, u dak kollu li fil-festa parrokkjali juri kif Malta bniet lilha nnifisha bħala nazzjon modern. Dan kollu huwa mseddaq b’ġabra impressjonanti ta’ ritratti storiċi, rarissimi, li kważi jimmeritaw li jkunu pubblikati waħedhom.

“Jien konvint li hawn domanda tassew kbira għal kotba ta’ din in-natura, u hi domanda li tolqot lill-parroċċi kollha”, temm jikteb il-Professur Friggieri.