Olandiż akkużat li ffroda €153,000 lil kumpanija tal-betting

Olandiż ta’ 41 sena li huwa residenti Malta tressaq il-Qorti akkużat li ffroda aktar minn €153,000 lil kumpanija tal-logħob onlajn.
L-Olandiż, li ma din il-kumpanija kien jaħdem bħala field manager kien qed jagħmel qligħ minn kummissjonijiet permezz ta’ ċifri artifiċjali ta’ utenti fuq is-sit.
Fil-Qorti ntqal li l-akkużat kien jitrasferixxi dan il-qligħ fil-kont elettroniku ta’ martu fuq is-sit Neteller.
Intqal ukoll li mart l-akkużat, li hija Filippina akkwistat numru ta’ propjetà matul dan il-perjodu.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest kif ukoll ordnat li l-assi tal-akkużat u martu jiġu ffriżati.
Ordnat ukoll lid-Direttur tal-Ħabs sabiex jiġi żgurat li l-akkużat ma jkollux aċċess għall-kompjuters jew internet fiż-żmien li se jinżamm il-ħabs biex ma jkunx f’pożizzjoni li jbagħbas evidenza li tista’ tintuża f’dan il-każ.