Erba’ persuni suspettati li jagħmlu parti minn organizazzjoni terroristika se jkunu qed jidhru quddiem Qorti Olandiża llum wara li kienu arrestati f’Rotterdam, skont kelliem għall-Prosekuzzjoni.
L-irġiel li għandhom bejn l-20 u l-30 sena kienu miżmuma mill-Pulizija f’ħidma kontra t-terroriżmu s-Sibt li għadda. Huma kienu ddentifikati mill-Pulizija bħala persuni li mhux ġejjin mill-Punent. Il-midja Olandiża qalet li hemm minn tal-inqas wieħed minnhom mis-Sirja.
Il-Pulizija Olandiża għamlet tfittxijiet f’diversi postijiet u kkonfiskat apparat eletroniku u laptops. L-ebda splussiv jew materjal li minnu jinħadmu l-bombi ma nstab.
Bħala parti mill-istess operazzjoni l-Pulizija Ġermaniża arrestat Sirjan ta’ 26 sena f’Mainz is-Sibt. L-arrest sar minħabba li kien hemm talba ta’ estradizzjoni mill-awtoritajiet Olandiżi skont il-Pulizija Ġermaniża.
Ernst Pols, kelliem għall-Prosekuzzjoni f’Rotterdam qal li għadu kmieni wisq biex il-Pulizija tati dettalji dwar pjannijiet speċifiċi dwar xi attakk.
Pols qal li l-irġiel mistennija jinżammu sal-lum meta jibda s-smigħ tal-każ li fih l-Imħallef mistenni jiddetermina jekk l-arresti sarux b’mod korrett.