Okkażjoni li fiha ningħaqdu, ninsew id-differenzi – PM

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ bil-ferħ it-tħabbira taż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta fl-aħħar ta’ Mejju li ġej, filwaqt li sostna li kull meta Kap tal-Knisja Kattolika żar Malta, “dejjem kienet okkażjoni li fiha bħala pajjiż ingħaqadna, fejn insejna d-differenzi, fejn ħarisna ‘l quddiem u mhux lura”.  Insista li l-okkażjoni tal-31 ta’ Mejju li ġej se tkun l-istess.

Dr Abela stqarr li “dan għandna nagħmluh kemm għax ġej il-Papa f’Malta, kif ukoll għax din l-okkażjoni hi tfakkira ta’ kemm, minkejja li aħna pajjiż żgħir, ingawdu r-rispett tal-mexxejja dinjin”.

Appella biex il-poplu Malti u Għawdxi għandu jkun hemm biex waqt l-attivitajiet marbuta maż-żjara “nkomplu nersqu lejn xulxin, lejn aktar għaqda nazzjonali”. Saħaq kemm l-għajnuna lill-proxxmu, it-tolleranza u d-drittijiet ċivili huma kollha temi għall-qalb il-Papa Franġisku u li fuqhom jitkellem b’passjoni”.