Filmat: Oħtha mietet 24 sena ilu, ftit passi ‘l bogħod, fl-istess xahar

“Awwissu u l-Ħadd! 24 sena ilu, fl-1 ta’ Awwissu, il-Ħadd, oħtok ħalliet din il-ħajja bl-istess mod li ħallejtha inti.” Dan kien wieħed mill-għexieren ta’ kummenti li diversi  ħbieb ta’ Janie Turner kitbulha fuq Facebook malli nxterdet l-aħbar kerha ta’ mewtha.
Janie Turner, li kellha 45 sena, mietet ilbieraħ f’inċident tat-traffiku fi Triq Sir Temi Zammit, l-Imġarr. Oħtha, Carmen Turner, li kellha 17-il sena, mietet ftit passi ‘l bogħod, qabel ma’ taqbad ir-roundabout għall-istess triq, fl-1 ta’ Awwissu tal-1993. Bħal oħtha Janie, Carmen kienet passiġġiera
L-aħbar ixxukkjat lil kulħadd, anke lil min ma kienx jaf lil Janie, aħseb u ara lill-qraba u l-ħbieb tagħha.
Fuq Facebook kulħadd kelma waħda. Ħadd ma jista’ jemmen b’dak li ġara.
Oħrajn, filwaqt li urew is-sogħba għal mewt ta’ Janie, kitbu li fl-aħħar se tingħaqad ma’ oħtha Carmen li tant kienet tħobb.
Ħbieb ta’ Janie fakkru u ċċelebraw il-karattru sabiħ tagħha u kienu ħafna dawk li ddeskrivewha bħala mara ta’ prinċipju u ta’ qalb kbira.
Kien hemm minn saħansitra tella’ ritratti li ħadu ma’ Janie ftit sigħat qabel u kitbu: “filli nidħku u nieħdu r-ritratti u filli dieqa kbira.”
Oħrajn kienu ilhom ftit ma jiltaqgħu ma’ Janie iżda l-aħbar tal-mewt tagħha ħasdithom. “Kieku kont naf li dik kienet l-aħħar darba li kellimtek kont ngħannqek waħda kbira miegħi,” kitbet ħabiba tagħha.
Janie kienet passiġġera f’karozza li s-sewwieq tagħha wkoll ittieħed l-isptar u qed isofri ġrieħi gravi.
F'filmat li ttella' f'Diċembru li għadda fuq il-paġna ta' Facebook, Maltese People in Malta all by Lilian Chetcuti Riolo, jidher missier iż-żewġ nisa, b'qalbu maqsuma dwar it-telfa ta' bintu Carmen f'inċident tat-traffiku 23 sena qabel. 
Filmat: Silta mill-filmat imtella' fuq il-paġna ta' Facebook Maltese People In Malta all by Lillian Chetcuti Riolo