Oħt Frank Portelli tmut bil-coronavirus fl-Ingilterra

Read in English.

Rosalie Freestone-Bayes, oħt Frank Portelli, mietet bil-marda tal-coronavirus fl-Ingilterra. Dan qalu Portelli stess permezz ta’ post fuq Facebook.

Ma’ Newsbook.com.mt, Portelli spjega li oħtu kellha 77 sena u kienet daħlet l-isptar minħabba kundizzjonijiet oħrajn. Sostna li jinsab ċert li qabel ma’ daħlet l-isptar hi ma kinitx marida bil-coronavirus.

Portelli qal li oħtu ta’ spiss kienet tiġi Malta hekk kif hi kellha dar kemm fl-Ingilterr kif ukoll hawn.

Spjega li matul iż-żmien li għamlet fl-isptar, oħtu ltaqgħet mal-coronavirus u b’hekk spiċċat biex eventwalment tilfet ħajjitha. Semma li fil-każ ta’ oħtu, kienet l-età flimkien ma’ kundizzjonijiet ta’ saħħa oħrajn li wassal għall-mewt tagħha. Irrimarka iżda li ħadd ma hu invinċibbli u kien hemm persuni li kienu għadhom żgħar li spiċċaw vittmi ta’ dan il-virus ukoll.

F’filmat li tella’ fuq Facebook ilbieraħ Portelli, hu qal li oħtu kienet tinsab fi stat ħażin ħafna u kienet qed tissielet għal ħajjitha. Hi jidher li mietet matul il-lejl.

Posted by Frank Portelli on Sunday, April 5, 2020

L-appell ewlieni ta’ Portelli, li qasam ma’ Newsbook.com.mt kien li kulħadd huwa vulnerabbli, ikun min ikun. Fakkar li dan il-virus għad m’hawnx trattament għalih u b’hekk kulħadd għandu joqgħod attent għal dak li qed iwissu l-awtoritajiet tas-saħħa.

Irrimarka li s’issa ġa mietu tliet Maltin minn din il-barra, kollha barra mill-pajjiż.

Intant spjega li l-mara Maltija l-oħra li kienet tgħix Londra u mietet kawża tal-coronavirus kienet ħabiba ta’ oħtu.

Newsbook.com.mt tkellem mal-qraba tal-mara ta’ 66 sena Maltija li wkoll mietet minħabba l-coronavirus. Hi ddaħħlet l-isptar il-ġimgħa li għaddiet. Kienet iżżur Malta aktar minn tliet darbiet f’sena hekk kif hi kellha qraba kemm hawn, kif ukoll f’Londra.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn