Oħt Daphne taffronta lil Delia quddiem il-qorti

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ġie kkonfrontat minn oħt Daphne Caruana Galizia meta mar ipoġġi l-fjuri quddiem il-mafkar tal-ġurnalista assassinata, fit-tieni anniversarju mill-assassinju tagħha.

Helen Asciak, ma ħallitux jpoġġi l-fjuri waqt li qaltlu li qed jagħmel dan il-ġest għal quddiem il-kameras. Hi talbitu rispett lejn il-memorja ta’ oħtha, waqt li qaltlu biex jersaq lura.

“Itlaq minn quddiemi. Agħtuni ħames minuti biex nipprepara l-mafkar,” qaltilhom.

Waqt li Adrian Delia prova jispjega li ġie quddiem il-Qorti biex juri rispett, hi insistiet li missu għamel hekk qabel daħħal lil oħtha l-Qorti, waqt li għajritu “Shame on you crooks.”

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-partit tul dawn is-sentejn ħa sensiela ta’ inizjattivi fil-Parlament u barra sabiex issir ġustizzja sħiħa u kull min hu responsabbli jitressaq għall-proċess kriminali fil-Qorti.

L-Oppożizzjoni ressqet ukoll mozzjoni fil-Parlament biex titwaqqaf investigazzjoni pubblika indipendenti biex jiġi investigat x’responsabbiltà għandu jġorr l-Istat Malti f’dan l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-membri tal-Gvern fil-Parlament kienu vvutaw kontra din il-mozzjoni.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna li huwa d-dmir ta’ kull Malti u Maltija, hi x’inhi l-fehma, li jfakkru din il-ġurnalista u kittieba.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li kulħadd għandu d-dmir li jippromwovi kunsens nazzjonali madwar il-valur tal-figura ta’ ġurnalista li ġiet assassinata proprju għax bl-investigazzjonijiet tagħha f’każijiet ta’ korruzzjoni, ksur ta’ liġi u abbużi fittxet li tipproteġi liċ-ċittadini Maltin.