“Oħorġu ‘l binti minn Monte Karmeli”

Arkivji

Tfajla Żvediża li taħdem f’Malta, ittieħdet l-isptar Monte Karmeli għall-kura peress li hi bipolari. Hi qalet lil familtha li sakkruha hemm ġew, u li ma tistax toħroġ.

Din l-informazzjoni qed tiċċirkola fuq Facebook u anke fuq il-midja barranija, fejn in-neputija ta’ omm din it-tfajla kitbet appell f’isem l-omm biex tgħin lill-kuġina tagħha. L-omm kitbet kif it-tifla ilha tieħu kura għall-kundizzjoni tagħha, u bħalissa tinsab instabbli ħafna u għalhekk mhux titħalla ttir lura d-dar. Iddettaljat li se tiġi Malta biex tipprova toħroġha mill-isptar.

https://www.facebook.com/photo.php?fbid=10156625561838792&set=a.10150150474783792.343022.557318791&type=3&theater

It-tfajla ilha tinżamm Monte Karmeli għal tmint ijiem.  Hemm ukoll grupp fuq Facebook li nħoloq mill-familjari ta’ din it-tfajla biex jipprotestaw kontra l-fatt li Jennifer qed tiġi miżmuma.

F’dan il-grupp hemm ukoll verżjoni tal-istorja bl-Ingliż, kif kitbitha Johanna La Reina Andersson. Din il-post ġiet ukoll irrappurtata mill-ġurnal Corriere di Malta. Hi kitbet kif il-qraba tat-tfajla bdew jinkwetaw fuqha wara li ma semgħux mingħandha għall-erbat ijiem. Fl-aħħar, irnexxielhom jaqbduha b’telefonata, fejn qaltilhom li qiegħda fl-isptar Monte Karmeli.

Iddeskrivitilhom kif meta waslet l-isptar, l-infermiera żammewha biex itaqqbuha b’ħafna medikazzjoni differenti, li baqgħu jagħtuha kuljum. Spjegat li din il-mediċina tant hi b’saħħitha, li lejl u nhar qed tħossha sturduta għall-aħħar, fejn lanqas tiflaħ tqum bilwieqfa.

Kompliet tgħid lil familtha li sfurzawha tinħasel quddiem pazjenti oħra, u li anke tawha daqqiet f’wiċċha meta bdiet tippanikja fuq il-fatt li qed tħossha qisha priġuniera.

Il-familja, fil-grupp ta’ Facebook, iddettaljat li jinsabu fi triqithom f’karozza tal-kiri.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru għas-Saħħa.