Oħloq Tbissima: Fadal sa nofsillejl biex tgħin lil ħaddieħor jgħin

Sa wara l-ewwel jumejn tal-Maratona Oħloq Tbissima nġabru €150,677.
Il-maratona bdiet nhar il-Ġimgħa f’nofsinhar, u tibqa’ sejra sa nofsillejl tal-lum.
Il-flus miġbura se jmorru kollha għas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP), li tieħu ħsieb torganizza diversi missjonijiet madwar id-dinja.
Il-flus jintużaw sabiex jitkomplew dawn il-proġetti u jittejbu l-ħajjiet ta’ għexieren ta’ persuni u aktar familji jgħixu bid-dinjità li jistħoqqilhom.
Waqt iż-żjara tiegħu lbieraħ, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li huwa importanti wkoll li mhux biss noħolqu tbissima fil-qalb ta’ dak li jkun, iżda anki fuq fommu.
Sostna li għandu moħħu mistrieħ li l-għajnuna mill-Maltin u l-Għawdxin tasal.
Waqt quddies dalgħodu s-Superjur Reġjonali tas-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl,Fr Frankie qal li l-missjoni hija okkażjoni ta’ ferħ biex Alla joħroġ xi ħaġa kbira.  Żied jgħid li sakemm jibqa’ l-faqar, xogħolhom hu li jiżirgħu it-tama għaliex it-tama tagħti tbissima li ma titlaq qatt.  
Oħloq Tbissima qed tittellgħa mill-bitħa ta’ Dar San Ġużepp f’Santa Venera, minn fejn bħal fi snin li għaddew se  jixxandar programm varjat, b’mumenti ta’ talb, quddies, features, diskussjonijiet u spettaklu mill-aqwa bil-partiċipazzjoni tal-aqwa talent lokali.
Il-maratona qed tintwera fuq l-istazzjonijiet lokali ewlenin kollha, kif ukoll fuq is-sit ta’ ĊAM Productions www.camcpi.org
Kull min jixtieq jagħti d-donazzjoni tiegħu jista’ jagħmel dan billi jċempel fuq:
€10    51602004
€15    51702007
€25    51802009
SMS €4.66 50618099