​Aġġornata (3): Oħloq Tbissima biex il-bżonnijiet ma jibqgħux ħolma!

L-14-il edizzjoni tal-maratona Oħloq Tbissima bdiet mat-tokki ta' nofsinhar u tibqa’ sejra bla waqfien sa nhar il-Ħadd f’nofsillejl, fid-Dar ta’ San Ġużepp f’Santa Venera. Fl-ewwel disa' sigħat inġabret is-somma ta' €33,949.
Qed jinġabru flus biex jinxtraw kmamar tal-injam għall-familji, uħud minnhom numerużi, biex ikollhom fejn jorqdu, isajru, jieklu, jilagħbu, jagħmlu l-homework u jorqdu.
Fil-ftuħ tal-maratona, l-Arċisqof Charles Scicluna rringrazzja lil min b’mod konkret qed juri u se juri solidarjetà lejn il-ħidma tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, billi jagħti d-donazzjoni tiegħu, u anke jkun parti mill-attività fil-bitħa tad-Dar ta’ San Ġużepp.
Fr Louis Mallia, id-Direttur taċ-Ċentru Animazzjoni Missjunarja spjega kif il-maratona ilha għal dawn l-aħħar 14-il sena toffri tbissima lid-Dar ta’ San Ġużepp u “wens għal min hu fil-bżonn, bħalma r-riħ tal-lum jagħti wens mis-sħana tal-jum.”
Min-naħa tiegħu, Fr Frankie Cini, Superjur Reġjonali tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP) qal li d-Dar hi l-bejta tas-solidarjetà li joffri l-poplu Malti, li tmur lil hin fil-pajjiżi fejn jaħdmu l-missjunarji tas-Soċjetà.
L-Aġent-President ta’ Malta Dolores Cristina qalet li bżonnijiet li aħna nsibu madwarna, ħaddieħor għalih huma ħolma.
Fr Karm Debattista, flimkien ma’ tfal mil-La Voix Academy, kantaw il-kanzunetta Oħloq Tbissima.
Minn ħin għall-ieħor waqt il-maratona, qed jintwerew xi filmati esklussivi dwar ix-xogħol li qed isir mat-tfal f’Dar San Ġużepp, kif ukoll fil-Perù, fil-Pakistan u fil-Filippini.
Hemm ukoll programm varjat li jappella għal kulħadd.
Kull min jixtieq jagħti donazzjoni jista’ jċempel fuq:
€10           51602004
€15           51702007
€25           51802009
SMS €4.66 50618099
Min jixtieq jagħmel kontribuzzjoni oħra jista’ jċempel fuq 21445544.
Donazzjoni tista’ ssir ukoll onlajn fuq www.oħloqtbissima.com.