Of Land And Sea: Esebizzjoni tal-Mużajk fir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone

L-Għaqda Filantropika Talent Mosti se tkun qed tippreżenta wirja bl-isem ta’ Of Land And Sea li se tittella’ ġewwa r-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone fil-Mosta.

Din hija esebizzjoni tal-mużajk minn Raymond Aquilina u Flavia Marmarà, li ffukaw il-ħiliet tagħhom biex ħolqu armonija bejn biċċiet diversi u kultant kuntrastanti mqgħeda ħdejn xulxin b’sengħa u paċenzja kbira biex iwasslu interpretazzjonijiet mill-isbaħ ta’ xeni prominenti li naraw fil-ħajja ta’ kuljum. Permezz ta’ din l-esebizzjoni, l-artisti jistiednu lill- viżitaturi biex mhux biss jesperjenzaw is-sbuħija tax-xogħol tagħhom, imma wkoll japprezzaw l-impenn qawwi ta’ siegħat twal ta’ xogħol li l-mużajk jirrekjedi.

Din il-wirja se jkollha l-ftuħ uffiċċjali nhar il-Ħamis 6 ta’ Ġunju u tibqa’ miftuħa sat-22 ta’ Ġunju. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mit-Tnejn sas-Sibt mis-6pm sat-8pm, u l-Ħdud mill-10 sa nofsinhar, u mis-6pm sa 8pm.

Raymond Aquilina u Flavia Marmarà huma żewġ kollegi u artisti appasjonati fl-arti tal-mużajk.

Raymond li huwa mwieled u trabba fil-qalba tar-Rabat, minn dejjem kien jaffaxina ruħhu mix-xogħol tal-mużajk li hemm ġewwa il-Villa Rumana.  Waqt iż-zjarat frekwenti tiegħu kien jammira il-preċizjoni tas-sengħa u paċenzja kbira li jirrekjedi ix-xogħol tal-mużajk.

Flavia minn naħa tagħha bħala tifla kienet ta’ spiss tesperjenza il-proċess tal-arti mill-qrib, permezz ta’ ommha li kienet tkun frekwentament tiprattika l-arti tal-pittura id-dar.  Din l-esperjenza ħajritha biex minn eta żgħira tibda tattendi klassijiet tal-arti li nisġu ġewwa fiha l-ispirtu artistiku u immaġinattiv.

Flavia u Raymond ilhom jipprattikaw l-arti tal-mużajk għal dawn l-aħħar tnejn u għoxrin sena wara li kienu attendew għall-kors tal-mużajk immexxi mill-Artist Alfred Briffa.  L-artisti jużaw diversi materjali biex joħolqu disinji u xogħlijiet oriġinali li joffru esperjenza rikka b’diversi tekniki.

Ix-xogħlijiet tagħhom huma ispirati primarjament minn natura u l-wirt kulturali ta’ diversi pajjiżi li jżuru.  Barra minnhekk, din l-esebizzjoni ma segħtatx tkun kompluta mingħajr l-esperjenza li kisbu ġewwa Ravenna l-Italja fejn attendew għall-kors tal-mużajk immexxi minn Luciana Notturni.