Filmat: Ocean Viking isalva 223 persuna fi 3 ħidmiet separati

Read in English.

223 individwu ġew salvati mill-bastiment ta’ salvataġġ Ocean Viking, li huwa operat mill-għaqdiet Medecins Sans Frontieres (MSF) u SOS Mediterranee, minn meta dan telaq mill-port ta’ Pozzallo fl-Italja erbat ijiem ilu. Fil-grupp kien hemm għadd ta’ minuri waħedhom u anke nisa tqal. Il-ħidma ta’ salvataġġ saret fi tliet ħidmiet separati. L-aħħar grupp ta’ 72 individwu ġew salvati f’żona li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Malta, skont MSF.

Wara li salpa lejn il-Mediterran Nofsani, il-bastiment ġie infurmat minn Alarm Phone fl-24 ta’ Jannar fuq bastiment li għandu diffikultà. Ocean Viking għadda din l-informazzjoni liċ-Ċentru ta’ Kordinazzjoni Libjan. Wara li Ocean Viking lemaħ dan il-bastiment, huwa bagħat xi dingis biex jassessjaw is-sitwazzjoni. Il-Ġimgħa, imbagħad, ġew salvati 92 persuna minn fuq dingi li kien mgħobbi żżejjed għad-daqs tiegħu.

SOS Mediterranee qalet li l-awtoritajiet Taljani, Maltin, Libjani u Ewropej kienu infurmati b’din il-ħidma ta’ salvataġġ, u anke l-bastiment Alan Kurdi u Alarm Phone. Huma talbu lill-awtoritajiet Taljani, Maltin u Libjani għal post ta’ kenn, iżda kienu l-awtoritajiet Libjani biss li wieġbu li qalulhom li Tripli huwa post sigur. Madankollu, il-bastiment irrifjuta din l-offerta peress li ma jqisx lil Tripli sigur biżżejjed.

MSF iddeskrivew il-ħidma bħala waħda ta’ sfida, u qalu li ħafna min-nies li salvaw qed ibatu bl-ipotermja minħabba l-ksieħ.

Skont informazzjoni li taw MSF u SOS Mediterranee, hemm 15-il mara, 39 raġel u 38 minuri. 32 mit-38 tifel u tifla abbord qegħdin waħedhom. Tnejn minnhom għandhom inqas minn ħames snin. Fost in-nisa hemm erbgħa li huma tqal. Huma ġejjin mill-Punent tal-Afrika fil-maġġorparti minnhom; mill-Kosta tal-Avorju, mill-Cameroon, mill-Mali, mill-Guinea Conakry, mill-Guinea Bissau, mis-Senegal, mill-Benin, mill-Gambja u mis-Somalja.

Is-Sibt, Ocean Viking salva grupp separat ta’ 59 persuna. Dan il-grupp jikkonsisti minn tliet nisa, 34 raġel u 22 minuri, li wieħed minnhom jinsab waħdu, bla ġenituri. Dawn qalu li huma mill-Marokk, mill-Bangladexx u mill-Gambja. Kienu qegħdin jivvjaġġaw b’dgħajsa żgħira tal-injam u ġew salvati madwar 26 mil nawtiku mill-kosta Libjana.

Is-Sibt filgħaxija kien hemm it-tielet ħidma ta’ salvataġġ u ssalva t-tielet grupp. Fuq Twitter, MSF qalet li kien hemm tal-anqas sitt każijiet ta’ diffikultà rapportati fil-Mediterran Nofsani. It-tielet grupp ta’ 72 persuna kienu qed jivvjaġġaw fuq “dgħajsa tal-injam instabbli u mgħobbija żżejjed” fir-reġjun ta’ tfittxija u salvataġġ Malti.