“Kundanna għal eksuffiċjal tal-Armata dwar tixrid ta’ mibegħda” – Occupy Justice

#OccupyJustice kkundannaw b’mod kategoriku t-theddid u l-attakki li saru fil-konfront tal-Ewroparlamentari Roberta Metsola fuq il-midja soċjali.
Huma qalu li mhuwiex aċċettabbli li eksuffiċjal tal-armata li xogħlu kien li jiddefendi pajjiżu jkompli jżid il-mibegħda permezz ta’ kummenti simili.
#OccupyJustice ikkundannaw fost l-oħrajn ’l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u qalu li hu responsabbli għat-tixrid tal-mibegħda kemm fuq il-mezzi soċjali kif ukoll imkejjen oħra.
Dan għaliex, skonthom, għandek kelliema tal-Gvern kif ukoll membri parlamentari li jattakkaw lil dawk li ma jaqblux mal-Gvern fuq il-midja soċjali. Huma saqsew jekk hux din l-‘unità’ li għaliha jirreferi l-Prim Ministru.
#OccupyJustice qegħdin jitolbu lill-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali, Michael Farrugia, u l-Brigadier Jeffrey Curmi jikkundannaw il-kummenti ta’ Felix Zammit.
Huma argumentaw li hemm bżonn li din tittieħed bis-serjetà u għandha tittieħed azzjoni għax fi kliemhom, jekk ma jsir xejn, allura l-Gvern u l-Prim Ministru qegħdin iħaddnu din it-tip ta’ mġiba.
#OccupyJustice temmew jgħidu li l-pajjiż mess il-qiegħ, u mhux se jibqa’ jagħraf lilu nnifsu.