Occupy Justice jiktbu lill-Kunsill Ewropew dwar Malta

REUTERS/Vincent Kessler

Read in English.

Occupy Justice kitbu lill-Kunsill Ewropew biex jiddiskuti u jieħu pożizzjoni dwar is-sitwazzjoni f’Malta. Huma rreferew għas-sitwazzjoni politika bħala waħda ddisprata u għalhekk qed jistennew azzjoni fis-sumit li se jsir bejn għada u l-Ġimgħa fi Brussell.

Fl-ittra, Occupy Justice jistqarru li jekk l-Unjoni Ewropea ma taġixxix quddiem demokrazija li ma tiffunzjonax, jqumu mistoqsijiet dwar x’inhu l-iskop tal-Unjoni Ewropea.

F’ittra indirizzata lill-President Charles Michel, Occupy Justice appellaw lill-mexxejja Ewropej biex ipoġġu lil Malta fl-aġenda tagħhom tal-jumejn li ġejjin, biex jieħdu pożizzjoni dwar Malta u biex isejjħu għar-riżenja immedjata tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Irreferew ukoll għal dak li qalet il-Kummissarju Ewropew Věra Jourová fejn esprimiet it-tħassib tagħha mal-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Malti Edward Zammit Lewis.

Fl-ittra huma rreferew għall-kriżi kostituzzjonali minħabba li qalu li l-Prim Ministru mhux talli huwa implikat f’akkużi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus iżda issa anki tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Spjegaw li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri huwa implikat li ħadem l-assassinju bl-għan li jwaqqaf lill-ġurnalista milli tikxef il-kobba ta’ korruzzjoni fl-Uffiċċju tal-PM.

Qalu li ma setgħux jifhmu kif Prim Ministru li minn tal-anqas huwa responsabbli politikament għall-assassinju ffinanzjat mill-istat għadu fil-poter.