“Obdu d-direttivi” – l-MUMN twissi wara l-multi fil-Qorti

L-Unjin tal-Inferrmiera u l-Qwiebel (MUMN) wissiet lill-membri tagħha biex jobdu d-direttivi wara li l-Qorti lbieraħ tat multa ta’ €5,000 lil infermiera li sabitha ħatja li ma kkuratx tajjeb pazjent li neħħa ħajtu b’idejh fl-isptar Monte Karmeli.

L-MUMN fi stqarrija qalet li dan huwa każ tal-mistħija għas-sistema ġudizzjarja ta’ Malta għaliex f’każ bħal dan, il-persuni fil-maniġment li huma responsabbli li jibgħatu carers qatt ma jiġu mħarrkin u mressqin quddiem il-ġustizzja. Spjegaw kif il-Maġistrat stqarr li d-Diviżjoni tal-Forensika kienet taħt l-istandard f’dak li għandu x’jaqsam is-saħħa u s-sigurtà tal-priġunieri.

Saħqu li “l-ħut iż-żgħir”, f’dan il-każ l-infermiera, qiegħdin konvenjentament jiġu msallbin.

Huma appellaw lill-infermiera speċjalment fl-isptar Karen Grech biex isegwu d-direttivi tal-Unjin għaliex qalu li fl-aħħar mill-aħħar huma l-infermiera li qed “jinqlew fil-Qorti”.

Fl-istqarrija, l-MUMN spjegat li kemm Steward Health Care u anki d-diviżjoni tas-saħħa huma aktar interessati fil-finanzi milli fis-saħħa tal-infermiera u l-pazjenti. Qalu li anki f’Mater Dei hemm nuqqas ta’ carers u jekk is-sitwazzjoni ma titranġax se jiżdiedu d-direttivi f’dan l-isptar ukoll.