“Obbligu morali tal-pajjiżi li jeqirdu l-armi nukleari”

"Il-pajjiżi għandhom id-dover morali li jeqirdu għal kollox l-armi nukleari." Dan qalu d-delegat tal-Vatikan waqt li kien qed jindirizza konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-diżarm nukleari.
It-theddida ta’ qerda sħiħa permezz ta’ armi nukleari ma tistax tkun il-bażi għal koeżistena paċifika bejn il-popli u l-pajjiżi.
L-Arċisqof Bernardino Auza ġibed l-attenzjoni tal-pajjiżi membri tan-Nazzjonijiet Uniti għas-sejħa tal-Papa Franġisku biex jinqerdu l-armi nukleari kollha u li l-pajjiżi kellhom obbligazzjoni morali li jwaqqfu t-tixrid ta’ dawn l-armi u jeqirdu dawk li għandhom huma stess.
Spjega li l-armi nukleari jikkaġunaw tbatija bla bżonn għal dawk li jibqgħu ħajjin u jixirqilhom kundanna ċara u bla dewmien. Qal il-pajjiżi għandhom jikkumpensaw lil min isofri dannu mir-radjazzjoni tat-testijiet nukleari u jaċċettaw il-prinċipju li l-konflitti għandhom ikunu riżolti madwar mejda.