“Obbligu morali li nobdu l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa”

Read in English.

L-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex ħarġu ċirkolari biex il-popolazzjoni u dawk li jiffrekwentaw il-knejjes, iħarsu s-saħħa u jobdu l-istruzzjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa dwar il-coronavirus.

Fiċ-ċirkolari, il-Knisja qed tappella għal attenzjoni kbira biex tiġi mħarsa l-popolazzjoni anzjana li hija fost dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Fi vlogg li ħareġ fl-aħħar sigħat l-Arċisqof Charles Scicluna enfasizza li din hi kwistjoni ta’ obbligu morali u ta’ sens ċiviku u mhux ta’ “rrid jew ma rridx”.

Il-Knisja qed titlob ukoll lill-komunitajiet insara biex jagħmlu odorazzjoni u jgħidu r-rużarju l-Ħamis 12 u l-Ġimgħa 13 ta’ Marzu, għal dawk kollha milquta kif ukoll għal dawk kollha li qed joffru s-servizzi tagħhom u jieħdu d-deċiżjonijiet b’risq is-saħħa.

Intant, fiċ-ċirkolari, il-Kurja ta’ Għawdex irrimarkat li:

  • Miżura ġdida mitluba mill-Awtoritajiet tas-Saħħa hi li ma jkunx hemm ilma mbierek fil-fonti tal-ilma mbierek fil-knejjes. Talbet biex jitneħħa l-ilma mbierek mill-fonti
  • Fakkret li t-Tqarbin għandu jsir biss fl-idejn.
  • Min jiċċelebra l-quddiesa għandu jiżgura li jiddiżinfetta jdejh sew qabel tibda l-quddiesa u qabel jibda jqarben.