Obbligu għal korsijiet dwar ir-rispett lejn in-nisa għal refuġjati fil-Belġju

Il-Belġju ħabbar li għall-immigranti u r-refuġjati fil-pajjiż, li ġejjin minn pajjiżi barra l-UE, se jorganizzalhom korsijiet, li jridu jattendu bilfors, dwar ir-rispett lejn in-nisa.
Il-korsijiet huma intiżi li jgħallmu l-bażi ta' kif wieħed għandu jġib ruħu fis-soċjetà, fil-kuntest tal-ħarsien tal-kultura tal-Punent.
Ix-xahar li għadda, in-Norveġja kienet ħabbret l-istess. 

Sadattant, b'rabta mal-vjolenza tal-massa fl-Ewwel tas-Sena f'Cologne, fil-Ġermanja, il-Pulizija Ġermaniża kkonfermat li 18 mill-31 suspettat miżmuma għandhom talba pendenti għal status ta' refuġjat.
Madankollu, speċifikat li dawk miżmuma s'issa huma involuti f'reati żgħar, bħal serq u ġlied, mhux ma’ vjolenza sesswali.
In-nazzjonalitajiet tal-barranin suspettati jvarjaw minn Alġerini, Marokkini, Sirjani, Iranjani u Iraqqini għal Ġermaniżi stess, mis-Serbja u mill-Istati Uniti.
Il-Pulizija Federali rċeviet għadd ta’ rapporti minn nisa li sfaw vittmi ta’ fastidju jew abbuż sesswali, imma għadha ma sabitx il-ħatja.