Obama jissorprendi lill-Viċi President Joe Biden

Fl-aħħar ftit jiem tiegħu fil-White House il-President Amerikan Barack Obama organizza sorpriża għall-Viċi President Joe Biden li dawn l-aħħar tmien snin deher dejjem viċin tiegħu.
Biden ingħata l-Midalja Presidenzjali tal-Libertà, l-ogħla unur li wieħed jista’ jirċievi fl-Amerika.
Il-Viċi President kellu jdur jixxotta d-dmugħ meta Obama ħabbar, wara diskors twil fuqu, li se jkun qed jagħtih dan l-unur.
Obama faħħar lil Biden, li ddeskrivih diversi drabi mhux biss bħala ħabib imma bħala ħuħ, għall-ħidma tiegħu fis-skiet fl-aħħar tmien snin.
Huwa qal li l-għażla ta’ Biden kienet l-ewwel għażla tiegħu bħala nominat għall-Presidenza u kienet “l-aqwa waħda mhux biss għalija iżda għall-poplu Amerikan.”
Din il-midalja ngħatat lil Biden bl-aktar grad għoli, li fl-aħħar amministrazzjonijiet ngħatat lil ftit persuni, fosthom lill-Papa Ġwanni Pawlu II.