Obama jeskludi li jintbagħtu t-truppi fis-Sirja

Il-President tal-Istati Uniti Barack Obama eskluda li jintbagħtu truppi Amerikani fis-Sirja u qal li sforzi militari waħedhom ma jistgħux isolvu l-problemi tal-pajjiż.
Mal-BBC, Obama qal li jkun żball għall-Istati Uniti u għar-Renju Unit li jibgħat truppi fl-art u jneħħi r-reġim ta’ Bashar al-Assad.
Saħaq ukoll li hu ma jemminx li l-Istat Iżlamiku jista’ jintrebaħ fl-aħħar disa’ xhur li fadallu presidenza. Qal li, iżda, “Bilmod nistgħu nnaqqsu l-ambjent li joperaw fih.”
Obama, li għadu kif kien fir-Renju Unit għal żjara ta’ tlett ijiem, qal li s-Sirja kienet “sitwazzjoni ta’ qsim il-qalb u sitwazzjoni kumplessa ħafna” u sostna li ma jaħsibx li hemm soluzzjonijiet sempliċi.