Obama jerġa’ jitfaċċa wara tliet xhur

L-eks-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, reġa’ deher fil-pubbliku wara aktar minn 3 xhur mindu ħadlu postu Donald Trump, u f’Chicago tkellem man-nies dwar il-qagħda politika warajh u x’beħsiebu jagħmel issa.
Waqt diskussjoni fl-Università ta’ Chicago, fejn darba Obama kien jgħallem il-liġi kostituzzjonali, u minn fejn hu beda l-karriera poltika tiegħu, tarraf lill-udjenza miġbura quddiemu li dawn ix-xhur qattagħhom jaħseb dwar il-futur tiegħu.
Huwa naqas milli jikkritika lill-president attwali, waqt li esprima kif l-aktar ħaġa tajba li jista’ jagħmel bħalissa hi li jistinka biex jassigura li l-Istati Uniti jkollha ġenerazzjoni tal-futur li tħabrek biex tkun hi l-bidla li tixtieq tara fid-dinja.
Obama ma daħalx f’politika waqt dan id-dibattitu li dam 90 minuta, iżda tkellem dwar l-immigrazzjoni, u qal li dawk il-familji deskritti mill-awtoritajiet bħala sempliċi nies mingħajr dokument, huma ferm aktar, għax huma familji li qed ifittxu futur aħjar xi mkien ieħor.