Obama, Bush u Clinton lesti jieħdu l-vaċċin tal-Covid-19 fuq it-TV

L-eks Presidenti tal-Istati Uniti Barack Obama, Goerge W. Bush u Bill Clinton qalu li lesti li jieħdu l-vaċċin kontra l-coronavirus fuq it-televiżjoni biex iserrħu ras il-pubbliku dwar is-sigurtà tal-vaċċini l-ġodda. Dan qed ikun irrappurtat f’ġurnali internazzjonali.

“Jista’ jkun li nieħu l-vaċċin fuq it-televiżjoni jew nara li xi ħadd jieħu filmat tagħha, ħalli n-nies jaraw li jiena nafda fix-xjenza,” qal Obama, il-President Demokratiku li temm il-karriera tiegħu fl-irwol lura fl-2017. Hu qal dan f’intervista ma’ Sirius XM radio lbieraħ.

Bush, eks President Repubblikan u li kien fl-irwol fil-perjodu ta’ qabel Obama, qal li hu wkoll kien lest li jieħu l-vaċċin fuq it-televiżjoni ladarba l-US Food and Drug Administration toħroġ il-konferma tagħha biex il-vaċċin ikun prodott u mqassam lill-massa. Dan skont Freddy Ford, iċ-Chief of Staff ta’ Bush.

Clinton, li kien President Demokratiku, qal li hu se jkun qed jieħu l-vaċċin malli dan ikun disponibbli għalih u bbażat fuw il-prijoritajiet determinati mill-uffiċċjali tas-saħħa pubblika. Dan skont Angel Urena, li hija kelliema għal Clinton. Sostniet li se jagħmel dan fil-pubbliku biex iħeġġeġ lill-Amerikani jagħmlu l-istess.

Fl-10 ta’ Diċembru, grupp ta’ konsulenti tal-FDA se jkunu qed jiltaqgħu biex jiddiskutu jekk għandhomx jirrakkommandaw l-użu b’emerġenza tal-vaċċin ta’ Pfizer u BioNTech. Il-vaċċin huwa effettiv 95% fil-prevenzjoni tal-virus. Skont uffiċjali tas-saħħa, l-ewwel tilqim mistenni jibda fil-ġranet jew il-ġimgħat li ġejjin.

Intant, il-ġimgħa ta’ wara, il-vaċċin ta’ Moderna Inc mistenni jgħaddi mill-istess proċess. Dan il-vaċċin ukoll jidher li huwa 95% effettiv fil-prevenzjoni tal-coronavirus.