“Nużaw formola ħanina” – Farrugia Portelli

The Sunday Times of Malta

Il-formola li tuża’ Identity Malta fejn jidħlu l-permessi tax-xogħol u għixien għal persuni li jkunu jridu jiġu Malta hija ħafna iktar “ħanina” minn dak li tgħid il-liġi.

Dan qalitu s-Segretarju Parlametari Julia Farrugia Portelli waqt konferenza tal-aħbarijiet bil-għan li tispjega s-sitwazzjoni madwar it-22 tifel u tifla li se jkunu qed jiġu deportati fiż-żmien li ġej jekk il-każ tagħhom ma jiġix appellat mill-ġenituri tagħhom.

Petizzjoni li beda Newsbook.com.mt qabżet 3,000 firma f’24 siegħa.

Farrugia Portelli spejgat li fil-media ssemmew bosta fatturi skorreti. Qalet li filwaqt li kien hemm rapport li qalu li kien hemm familji li ġew irrifjutati l-permess li jgħixu Malta għax jaqilgħu €200 inqas mit-treshold tal-liġi, dan mhux minnu. Filwaqt li rreferiet għal-lista tal-każijiet inkwistjoni spjegat li dawk li ma tħallewx iżommu lit-tfal Malta kellhom differenza ta’ anke €9,000 minn kemm wieħed għandu jaqla’ paga biex jinħariġlu l-permess.

Farrugia Portelli semmiet kif il-Ħadd li għadda tkellmet mal-Arċisqof Charles Scicluna u spjegat bosta sitwazzjonijiet ta’ faqar. Qalet li din mhix kwistjoni ta’ darba imma xi ħaġa long-term. Irrimarkat li jekk ikollha tgħalaq għajn waħda ma’ dawn it-22 tifel u tifla tkun qed tiddeskrimina mal-eluf ta’ persuni oħrajn li fil-passat ġew irrifjutati l-permess minħabba din il-formola. Qalet li jekk wieħed ma jagħmilx użu minn din l-istess formola u jkun kompletament liberali, Malta tinbidel f’ġungla.

“It-22 applikazzjoni kienu kollha ġodda”

Irrimarkat li l-applikazzjonijiet li kienu qed jissemmew fil-media huma applikazzjonijiet ġodda u mhux ta’ tfal li kienu diġà qed jgħixu f’Malta qabel. Sostniet li dawk il-membri tal-familja, kemm ġenituri u anke tfal u li ħarġilhom permess fil-passat mhux se jiġu affettwati. Qalet li dan anke jekk meta ħareġ il-permess tagħhom, il-formola li kienet tintuża’ kellha treshold baxx aktar. Insistiet li dawk se jibqgħu jiġġeddu mingħajr ma jkun hem riperskussjonijiet fuqhom.

Il-Ministru Evarist Bartolo sostna li fl-aħħar jiem il-ħsieb ta’ bosta kien bħal li kieku l-Gvern Malti kien qed jattakka lill-komunità Serba fil-pajjiż. Irrimarka li dan assolutament mhux minnu u kompla billi kkwota li l-komunità Serba għandha l-akbar għadd ta’ tfal fl-iskejjel tal-Gvern li ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea. Qal li t-total ta’ tfal minn barra l-UE fl-iskejjel tal-istat jammontaw għal 747 tifel u tifla. Spjega li l-ikbar grupp minnhom ġej mis-Serbja, li jammonta għal total ta’ 132 tifel u tifla.

Il-Ministru Michael Falzon qal li jkun irresponsabbli min-naħa tal-Gvern jekk jaċċetta persuni li jekk jiġu jgħixu Malta mal-familji tagħhom ikunu qed jgħixu fil-faqar.

“Fl-ebda ħin ma bgħattna ittra li t-tfal se jiġu deportati qabel il-Milied”

Farrugia Portelli sostniet li fl-ebda ħin ma ntbagħtet ittra li tgħid li dawn it-tfal se jiġu deportati qabel il-Milied. Spjegat li l-ittra hija proċedura normali li ilha tintuża għal snin twal meta l-ġenituri jiġu mgħarrfa li mhux se jkunu jistgħu iġibu lil uliedhom u jrabbuhom Malta għax il-paga tagħhom ma tippermettix ħajja diċenti. Hi rrimarkat li l-ittra li tintbagħat lill-familji tgħid li minkejja li l-permess tagħhom ġie rrifjutat, huma għandhom id-dritt li jappellaw għal din id-deċiżjoni.

Dwar l-appell, Farrugia Portelli qalet li dan jitmexxa minn tribunal amministrattiv indipendenti u awtonomu li jaqa’ taħt il-Ministeru għall-Intern. Spjegat li sakemm jinqata’ l-appell il-persuni li jkunu qed jappellaw mid-deċiżjoni jkollhom permess temporanju li jawtorizzahom jibqgħu jgħixu Malta sakemm jinqata’ l-appell.

“Il-familji Serbi għandhom vantaġġ li ġejjin miż-żona Shengen”

Farrugia Portelli spjegat li l-proċessi tal-familji Serbi huma differenti minn dawk ta’ persuni oħra li ġejjin minn barra mill-Unjoni Ewropea. Dan għax is-Serbja tagħmel parti miż-żona Shengen.

Hi spjegat il-proċedura ta’ kif dawn it-tfal jiġu Malta. Qalet li l-ewwel ikollok ġenitur li qed jaħdem f’Malta bil-permessi neċessarji. Dan jippermettilhom li tinħareġ visa għall-qraba tagħhom, inkluż tfal. Spjegat li din il-visa tinħareġ għal perjodu ta’ 90 jum. Qalet li meta dawn jiġu Malta, il-ġenituri japplikaw għall-permess sabiex uliedhom jibqgħu Malta.

Malli l-ġenituri jissottomettu din l-applikazzjoni, Identity Malta tibda tħares lejn id-dħul tagħhom, kemm jekk ġenitur waħdu u anke jekk ġenitur singlu. Farrugia Portelli spjegat li l-liġi tħares lejn id-dħul tal-paga tal-individwu u perċentaġġ fuqha biex wieħed jagħmel tajjeb għal kull persuna addizzjonali li tintalab permess tgħix f’Malta. Qalet li din il-proċedura ilha l-istess mill-2007.

Farrugia Portelli qalet li l-liġi tgħid li c-checklist li għandha Identity Malta u li toħroġ mil-liġi tgħidlek li jrid ikollok min qed jaħdem jaqla’ €19,000 u aktar minn hekk, 20% għal kull minorenni li qed jikkunsidra jiġi Malta. Qalet li minkejja dan, Identity Malta tuża’ checklist aktar ħanina hekk kif li kieku vermanet jimxu ma’ din iċ-checklist, ir-rata ta’ persuni li ma jinħarġilhomx il-permess ikun ħafna ikbar.

Aħna ma nimxux hekk imma għandna formula oħra li tagħti iktar wisa’ u għandha riga aktar flessibbli ma’ dawn il-familji. Qalet li l-formola li tuża’ Identity Malta hija bbażata fuq statistika magħrufa bħala EU-Silc (Statistics on Income and Living Conditions Survey). Spjegat li Identity Malta tħares lejn l-FS3 tal-applikant, il-kuntratt tal-kera li jagħti l-individwu u l-bolol li jkun ħallas. Spejgat li mill-figura tal-paga ma jikkunsidrawx it-taxxa li trid titħallas hekk kif ħafna minn dawn ġeneralment jaqgħu taħt il-livell ta’ paga minn fejn wieħed jibda jħallas it-taxxa.

Qalet li Identity Malta mbagħad tevalwa l-qligħ taż-żewġ ġenituri f’daqqa, jekk dawn it-tnejn li huma jgħixu Malta u jitqabbel mar-risk of poverty benchmark. Spjegat li dan il-benchmark huwa ħafna viċin aktar tal-paga minima u ‘l bogħod mill-paga medja.

“Kif tista’ tgħix familja sħiħa jekk wara li tħallas il-kera jifdlilha €150 fil-but?”

Farrugia Portelli ġabet eżempju ta’ każ partikolari li mhux wieħed minn dawk li hemm fil-media bħalissa. Qalet li kien hemm persuni li meta tnaqqas il-kera u l-bolla mill-paga tagħhom jifdlilhom biss €150 bihom ikunu jridu jgħajxu familja ta’ erba’ persuni għal xahar.

Sostniet li l-każijiet li ssemmew fil-media wkoll kellhom ċifri skorretti. Sostniet li Identity Malta ma tkeċċix persuni għax ikunu jaqilgħu xi €200 inqas mill-benchmark annwali. Qalet iżda li kien hemm persuni li kienu se jkunu qed jaqilgħu mad-€9,000 inqas f’sena.

“Ġieli jkun hemm tfal li jagħmlu ġranet sħaħ waħedhom”

Il-Ministru Evarist Bartolo sostna li hija xi ħaġa inkwetanti ħafna meta jkun hemm każijiet fejn isiru check-ups fuq id-djar fejn jgħixu t-tfal u jsibuhom waħedhom. Qal li hkun hemm tfal li jagħmlu ġranet waħedhom, minn filgħodu sa filgħaxija. Sostna li dawn it-tfal diġà nqalgħu mir-realtà tagħhom f’pajjiżhom, u issa spiċċaw lanqas ikollhom ħin jaraw jew jitkellmu mal-ġenituri tagħhom.

Sostna li l-kriterji eżistenti jpoġġu l-ħajja diċenti għat-tfal fuq quddiem.

Intant sostna li filwaqt li f’Malta inħoloq ħafna xogħol u hawn il-bżonn ta’ ħaddiema barranin, bħala Ministru għax-Xogħol irid li jassigura li dawn ikunu qed jgħixu b’mod diċenti. Biex jagħmlu dan qal li jridu jkunu qed jaqilgħu paga diċenti. Irrimarka li l-aħħar ħaġa li jrid hu hija li jippermetti lil min iħaddem jinqeda b’dawn il-persuni u jħallashom paga baxxa ħafna.

“Il-KE aċċettat il-parametri li tuża’ Malta”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Familja Michael Falzon qal fattur li wieħed ma jistax imeri huwa li l-Kummissjoni Ewropea aċċettat il-parametri li tuża’ Malta. Qal li meta wieħed jara xi tgħid il-liġi, l-interpretazzjoni tagħha hija wiesgħa ħafna.