Nurofen f’Malta mhux se jiġu rtirati mis-suq

Il-prodotti tan-Nurofen f’Malta mhux se jiġu rtirati mis-suq, hekk kif ġara f’pajjiżi oħra madwar id-dinja fosthom fl-Awstralja.
Kelliema għall-Awtorità dwar il-Mediċini f’Malta qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-prodotti Nurofen, awtorizzati minnha, ma jiżgwidawx lill-pazjent meta jiġu biex jagħżlu l-prodott.
Żiedet tgħid li n-Nurofen f’Malta ma jagħmlu l-ebda referenza fl-isem tal-prodott, għal xi tip speċifiku ta’ uġigħ jew għal xi uġigħ f’xi partijiet tal-ġisem partikolari.
Saħqet li fil-każ ta’ Malta, il-prodotti mediċinali jinbiegħu biss minn spiżeriji u għaldaqstant il-pazjent jingħata parir professjonali minn spiżjara kwalifikati dwar l-aħjar għażla tal-mediċini għall-kundizzjoni tagħhom.