Nuqqasijiet tal-Pulizija wasslu biex raġel ġie lliberat

Il-Qorti tefgħet it-tort fuq il-Pulizija minħabba nuqqas ta’ provi fl-investigazzjoni dwar allegat każ ta’ logħob tan-nar fix-Xagħra, u li wassal biex raġel ġie lliberat minn kull akkuża.
Il-każ imur lura għal Marzu tal-2008 meta wasal rapport għand il-Pulizija li fi Triq is-Sruġ, kien hemm trakk abjad f’kantina ta’ blokka bini, li fih kien hemm porvli tal-isparar jew splussiv ieħor mingħajr liċenzja tal-Pulizija.
Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li kien hemm diversi nuqqasijiet mill-Prosekuzzjoni fosthom li meta għamlu rejd fit-trakk ma kienx hemm sid il-proprjetà fejn kien ipparkjat it-trakk.
Żied jgħid li l-pulizija lanqas ma investigaw jekk dan it-trakk kienx iggaraxxjat, jekk kienx jintuża u jekk kienx fil-pussess ta’ terzi persuni xhur qabel.
Dr Mifsud qal li nuqqas ieħor fl-istħarriġ kien li x-xena tar-reat ma kinitx issiġġilata u li l kellhom iħallu dak misjub fuq il-post sakemm jaslu l-esperti tal-isplussiv. Kompla jgħid li l-isplussiv ma kellux jiġi mċaqlaq “b’mod prużuntuż” u jittieħed minnhom stess fl-għassa tar-Rabat.
L-imputat ċaħad li l-isplussiv kien tiegħu u li l-ewwel darba li rah kien fl-għassa. Spjega li t-trakk ġieli silfu lid-dilettanti tal-logħob tan-nar biex jintuża bħala store maġenb is-sit ta’ fejn jinħaraq in-nar tal-festa tal-Vitorja fix-Xagħra.
Fil-Qorti ħareġ li t-trakk li kien jidher abbandunat, kellu x-shutter ta’ wara miftuħ u li kellu aċċess għalih kulħadd.
Il-Maġistrat sostna li l-Qorti baqgħet f’dubju minħabba li l-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tilħaq il-grad mitlub tal-provi.