Nuqqasijiet serji mil-Kunsill ta’ San Ġwann fix-xiri tal-uffiċini

Il-Bord ta’ nkjesta li kien imqabbad jinvestiga x’wassal biex ċedew partijiet mis-soqfa fil-bini tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann f’Awwissu li għadda, saħaq fuq diversi nuqqasijiet minn membri tal-Kunsill fosthom nuqqas ta’ professjonalità u responsabbiltà waqt ix-xiri tal-istess propjetà.
F’rapport dettaljat ippublikat mill-Bord, ġie konkluż li l-istess membri tal-Kunsill ma kienux mgħarrfa tajjeb dwar l-ispeċifikazzjonijiet rikjesti mil-istess Kunsill u li mhux il-membri kollha raw il-post qabel ma’ ġie diskuss ix-xiri tal-propjetà. Il-Bord ikkonkluda wkoll li l-Kunsill ma mexiex b’mod serju u responsabbli meta wieħed iqis il-valur tal-propjetà li kienet qed tinxtara.
Il-Bord innota wkoll li l-approvazzjoni mingħand id-Dipartiment għall-Gvern Lokali ġiet maħruġa tlett’ ijiem biss qabel l-elezzjoni tal-Kunsilli f’Marzu tas-sena 2000. Skont l-istess Bord, dan wassal biex setgħu ittieħdu deċiżjonijiet mgħaġġla u li kien ikun iktar għaqli li kieku d-deċiżjonijiet ittieħdu milll-Kunsill il-ġdid elett wara l-11 ta’ Marzu 2000.
Waqt ix-xhieda tal-Perit Fortunato Said li kien għamel ir-rapport fis-sena 2000, huwa kien saħaq li kien informa verbalment lis-Sindku ta’ dak iż-żmien is-Sinjura Helen Fenech li l-post ma kienx addattat għall-uffiċini ta’ Kunsill iżda iżjed kien jixraq għal dar residenzjali. Mill-banda l-oħra mill-minuti li ttieħdu fil-laqgħat tal-Kunsill, jirriżulta li s-Sindku qatt ma qalet xejn dwar dan lil-Kunsilliera l-oħra. Għalhekk il-Bord ikkonkluda nuqqas serju minn naħa tagħha.
Il-Bord ipponta wkoll il-ħtija fuq is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill ta’ dak iż-żmien, li bħala l-kap amministrattiv tal-Kunsill kellu l-obbligu li jara li l-ispecifikazzjonijiet tal-offerta maħruġa bit-tender ikunu konformi ma’ dak li kien ġie deċiż mill-Kunsill. Ir-rapport jgħid li s-Segretarju Eżekuttiv kellu l-obbligu jinsisti mal-Kunsill sabiex dan jiddokumenta b’mod ċar ir-raġunijiet għala ġiet skartata l-offerta ta’ propjetà fi Triq Carmen Mallia u minflok inxtrat il-propjetà in kwistjoni.