Nuqqas ta’ salvataġġ; aktar imwiet f’nofs il-Mediterran – UNHCR

Photo: Archives

Il-UNHCR, l-Aġenzija tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda qalet li hi grata lejn Malta talli daħħlet lit-58 immigrant mill-Aquarius f’Malta. Madankollu, hija wissiet fuq il-problema tas-sitwazzjoni ta’ reġistrazzjoni tal-bastiment Aquarius, għaliex tista’ twassal għal aktar imwiet fil-Mediterran Nofsani.

Hija wriet il-gratitudni tagħha lejn Franza, il-Ġermanja, il-Portugall u Spanja wkoll li se jieħdu lil xi wħud minn dawn l-immigranti. L-Aġenzija kompliet tgħid li s-solidarjetà li qed juru dawn il-5 pajjiżi għandha tkun ta’ eżempju għal pajjiżi oħra.

Hija fakkret li sena ilu, kien hemm 5 NGOs li kienu qegħdin iwettqu dawn il-ħidmiet ta’ salvataġġ fil-Mediterran. Fl-2017, l-NGOs salvaw aktar minn 46,000 persuna skont il-Gwardja tal-Kosta Taljana. Għalhekk, hija wriet it-tħassib tagħha fuq is-sitwazzjoni tal-Aquarius, li ttiħditlu r-reġistrazzjoni mill-Gvern tal-Ġibiltà.