Nuqqas ta’ qbil dwar l-indipendenza tal-KNPD

Gvern ma jaqbilx mal-Oppożizzjoni li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità jaqa’ taħt il-Parlament.
Dan ħareġ waqt dibattitu fil-Parlament dwar żewġ abbozzi ta’ liġijiet biex jemendaw l-Att dwar opportunitajiet Indaqs għall-Persuni b’Diżabilità. Iż-żewġ mozzjonijiet tressqu waħda mill-Oppożizzjoni u waħda mill-Gvern iktar kmieni din is-sena.
Nhar il-25 ta’ Mejju, id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri ressaq Private Member’s Billli talab li l-Kummissjoni għall-Persuni b’Diżabilità jaqa’ taħt il-Parlament. Dan bil-għan li tkun imsaħħa l-indipendenza ta’ din il-Kummissjoni. Spiteri spjega, fl-intervent tiegħu, li din l-indipendenza li toħroġ minn obbligi internazzjonali li għandha Malta, fosthom l-hekk imsejħa l-Prinċipji ta’ Pariġi, u li l-Parlament diġà rrikonoxxa fil-passat.
Eventwalment, il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia, nhar it-22 ta’ Ġunju ressaq mozzjoni biex jiddaħħlu fis-seħħ emendi differenti għall-istess Att, fosthom is-separazzjoni bejn il-qafas regolatorju u l-għoti ta’ servizzi lil persuni b’diżabilità, il-ħolqien ta’ Kummissarju minnflok Ċerperson għall-Persuni b’Diżabilità, Kummissjoni għall-Persuna b’diżabilità, definizzjoni ta’ x’inhu fastidju ta’ dawn it-talin, kif ukoll iktar sehem ta’ persuni b’diżabilità f’bordijiet fejn jiddieħdu deċiżjonijiet li jolqtuhom.
Il-Ministru għal-Libertajiet Ċivili Helena Dalli qalet li l-Gvern jaqbel bħala prinċipju li d-drittijiet umani kollha għandhom ikunu mħarsin b’mod indipendenti u għalhekk qiegħed jaħdem biex ivara liġi dwar il-ħolqien ta’ Kummissjoni Drittijiet Bniedem u l-ugwaljanza li r-responsabiltà tagħha tkun il-ħarsien tad-drittijiet umani kollha inkluż dwar dawk tal-persuni b’diżabilità.
Dalli qalet li l-Gvern ma jaqbilx ma’ dak li ddeskriviet bħala “ghettoizzazzjoni” tad-drittijiet umani u lanqas li tinħoloq ġerarkija bejn drittijiet differenti. Dan minbarra l-fatt li mhux prattiku li l-KNPD tkun kompletament indipendenti mill-Eżekuttiv. Għalhekk, sostniet, ma taqbilx mar-rikostituzzjoni tal-KNPD taħt il-Parlament.  
Id-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici sostniet li l-proposti tal-Gvern effettivament imorru kontra l-istess obbligi internazzjonali.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana qalet li l-qasam tal-persuni b’diżabilità, fuq livell internazzjonali miexi mill-mudell mediku għall-mudell tad-drittijiet tal-bniedem, u għalhekk dak li qalet il-Ministru Dalli jagħmel ħafna sens. Hija qalet li l-emendi li qed jipproponi l-Gvern qed isiru mill-Persuni b’diżabilità u mhux f’diskussjoni magħhom u għalhekk jirriflettu dak li tassew huma jħossu li huma l-ħtiġijiet tagħhom.