Diverġenzi dwar jekk humiex se jiġu affettwati x-shareholders tal-BOV

Paul Bonello, Kap Eżekuttiv ta' Finco, kumpanija tas-servizzi finanzjarji, serraħ ras dawk li għandhom flus iddepożitati mal-Bank of Valletta, meta qal li l-kwistjoni legali li jinsab fiha bħalissa l-Bank taffettwa biss lil min jinvesti fl-ishma tal-bank, u mhux lid-depożitatur. Dan minkejja li jumejn ilu ċ-Ċermen tal-BOV, Deo Scerri, qal waqt laqgħa b’urġenza li l-interessi tax-shareholders mhux se jkunu affettwati.
Bonello kien qed jitkellem waqt il-programm Ta’ Kulħadd fuq RTK, immexxi minn Christine Delicata, fejn huwa mistieden regolari, meta kien qed jitkellem dwar l-importanza tad-divrsifikazzjoni fl-investiment,u sostna li mhuwiex jitkellem b’ebda reverenza lejn il-Bank.
Ilbiraħtlula l-Qorti Taljana ta’ Torre Annunziata ordnat biex jiġu ssekwestrati €363 miljun f’ishma mill-BOV. Dan ifisser mat-38% ta’ x’jiswa l-Bank għal dak li għandu x’jaqsam ma’ ishma.
Il-każ kontra l-BOV kien infetaħ mil-likwidaturi tal-kumpanija marittima Deiulemar li falliet fl-2012, u mir-rappreżentanti ta’ 13,000 Taljan li tilfu l-flus kollha li faddlu f’ħajjithom, fi skema ta’ frodi fl-2009. Jidher li din l-iskema falliet b’telf ta’ aktar minn €800 miljun, b’konsegwenza li spiċċaw il-ħabs seba’ persuni.
Bonello qal li ma jidhirlux li dan jippreżenta xi riskju lid-depożitatur, u dak li ħareġ ilbieraħ għandu jinteressa lill-investitur fl-ishma tal-BOV.
Dan lanqas ifisser li l-BOV se jagħmel xi telf, għax Bonello qal li din kienet twissija legali dwar inċident li ilu sejjer mill-2008, u fadallu aktar.
“Dawn huma t-tip ta’ problemi legali li tidħol fihom malajr u ddum biex toħriġ minnhom”, qal Bonello.
Il-BOV jibqa’ jsostni l-pożizzjoni tiegħu
Meta Newsbook.com.mt ikkuntattja lill-BOV, il-kelliem tenna dak li qal iċ-Ċermen Scerri jumejn qabel, ladarba l-każ għadu lanqas beda jinstema’ ħadd mhu se jkun affettwat, u l-Bank se jkompli għaddej bil-ħidma tiegħu ta’ kuljum.