Nuqqas ta’ qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni fuq il-fuel

Il-Gvern qal li hu ironiku kif l-Oppożizzjoni, li fil-leġislatura li għaddiet kienet responsabbli għal żieda ta’ 39ċ fil-prezz tal-petrol u 36ċ fil-prezz tad-diesel, issa qed issejjaħ it-tnaqqis fil-prezz tal-fuel bħala miżeru.
Fi stqarrija l-Gvern qal li statistika miġbura mill-Kummissjoni Ewropea turi li l-prezzijiet tal-fuel f’Malta huma ferm inqas minn dawk tal-pajjiżi ġirien.
Sostna li kien biss il-Gvern preċedenti li ħa deċiżjonijiet żbaljati fuq il-fuel li wasslu għal piż fuq il-familji.
 
Reazzjoni PN
Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern qed jirrifjuta jammeti l-verità li minkejja r-roħs drastiku li kien hemm fil-prezzijiet taż-żejt f’dawn l-aħħar xhur, il-Maltin għadhom iridu jħallsu fost l-ogħla prezzijiet ta’ petrol u diesel fl-Unjoni Ewropea.
Sostna li minflok jaċċetta r-realtà u jraħħas il-prezzijiet, Joseph Muscat qed juża’ t-tattika ta’ “ara x’kont għamilt int” biex jiddefendi l-prezzijiet għoljin tal-fuel.
Qal ukoll li issa l-popolazzjoni kollha xebgħet mill-istess retorika tal-Prim Ministru.