Nuqqas ta’ mediċina tal-HIV

Read in English.

Il-Gżejjer Maltin jinsabu f’nuqqas ta’ mediċina tal-HIV, gimgħa biss wara li ġie ċċelebrat il-Jum Dinji tal-AIDS.

Fi stqarrija konġunta bejn l-għaqdiet HIV Malta, Checkpoint Malta, aditus foundation, allied rainbow communities, Drachma u LGBTI+ Gozo spjegaw li din is-sitwazzjoni ilha għaddejja tul din il-Ġimgħa.

L-għaqdiet saħqu li din mhix inqas minn kriżi ta’ saħħa pubblika minħabba li meta persuna ma tiħux it-trattament għall-virus b’mod regolari, il-ġisem tal-persuna jista’ jibda jibni reżistenza u jinfirex, b’riżultat li t-trattament jista’ ma jibqax effettiv. L-għaqdiet komplew jispjegaw li l-virus tal-HIV jibda jattakka s-sistema immunitarja tal-persuna u dan iwassal għal mard ieħor fosthom il-virus tal-Covid-19.

L-istqarrija kompliet li huma mbeżżgħin li din is-sitwazzjoni tinsab mingħajr kontroll minkejja l-appelli regolari li saru minn attivisti. Żiedu li dan kollu qed iseħħ waqt li t-trattament il-ġdid qiegħed jitħalla jitmermer fil-kaxxi sakemm tkun kompluta s-sistema burokratika li qed tieħu tul ta’ żmien.

Komplew li t-tranżizzjoni għal din il-mediċina l-ġdida tista’ tkun waħda mir-raġunijiet wara li hawn dan in-nuqqas ta’ din il-mediċina madankollu tranżizzjoni ppjanata tajjeb kellha tinkludi pjan biex tibda titneħħa l-mediċina attwali u tidħol il-meċidina l-ġdida mingħajr ħadd ma jinqabad mingħajr mediċina fl-ebda punt tat-trażizzjoni. Temmew li, li kieku kien hawn nuqqas ta’ kimoterapija jew ta’ trattament tad-diabete kien jitqies bħala skandlu iżda persuna li għandhom l-HIV qegħdin jiġu trattati bħala ċittadini tat-tieni klassi mill-awtortajiet tas-saħħa. L-għaqdiet appellaw biex tinsab soluzzjoni.