Read in English.
Alternattiva Demokratika qalet li r-rapport annwali li l-Ombudsman għadu kif ippubblika, huwa wieħed inkwetanti ħafna għax juri li s-sisien tal-kontabilità tal-klassi politika huma dgħajfa.
Carmel Cacopardo qal dan waqt li mexxa delegazzjoni ta’ AD fi żjara lill-Ombudsman Anthony Mifsud.
Semma kif meta l-ostakli fil-proċess tal-ġustizzja jsiru minn membri tal-Kabinett stess, dawn ma jagħtux stampa tajba tal-qagħda demokratika tal-pajjiż.
Cacopardo saħaq li l-aċċess għall-informazzjoni huwa fundamentali fi stat demokratiku, u aċċenna lejn żewġ materji ewlenin li qal huma serji.
Dawn, kompla jgħid iċ-Chairperson tal-AD, huma n-nuqqas ta’ informazzjoni li tintalab mill-ministeri u l-awtoritajiet, kif ukoll in-nuqqas ta’ publikazzjoni ta’ kuntratti dwar servizzi essenzjali, bħalma huma l-enerġija u s-saħħa.