Nuqqas ta’ infermiera; 60 operazzjoni inqas fix-xahar – PN

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista qal li b’konsegwenza tan-nuqqas ta’ 550 infermier, qegħdin isiru 60 operazzjoni inqas fix-xahar.

Dan qalu waqt konferenza stampa li fiha tkellmu l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għas-Saħħa, Stephen Spiteri, u l-Kandidat Herman Farrugia. Qalu li l-infermiera qegħdin ibatu minn għeja kbira għaliex jaħdmu bejn 14 u 19-il siegħa aktar fil-ġimgħa bħala sahra.

Skont il-PN, il-Gvern m’għandux pjan fit-tul dwar dan is-settur, u mhuwiex jattira studenti biex jidħlu għal dan l-istudju.

Spiteri sostna li lanqas dawk li jkunu bil-maternity leave m’huma qegħdin jitħajru biex jerġgħu jidħlu għal dan ix-xogħol.

It-Tabib Farrugia qal li n-nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ studenti żgħażagħ hi turija tal-istaġnar fis-settur.

Il-Partit Nazzjonalista wera l-appoġġ tiegħu lill-Għaqda tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN), għaliex skontu, l-infermiera huma s-sur tal-kura tas-saħħa.

Huwa ta raġun lill-MUMN għat-talba tagħha għal kundizzjonijiet aħjar għall-infermiera. Saħaq li l-istudju tal-infermiera huwa iebes u jeħtieġ li nindukraw u nattiraw liż-żgħażagħ miċ-ċokon lejn dan is-settur.

Farrugia żied jgħid li l-Gvern jeħtieġ li jsaħħaħ is-servizzi tiegħu fl-Isptar Mater Dei qabel jaħseb biex jibda jinvesti fi kliniċi żgħar oħra.

In-nies qed ibatu minhabba n-nuqqas ta' hegga mill-Gvern fis-settur tas-sahha li wasslet ghal nuqqas ta' 550 infermieri. #socjetalijimpurtaha

In-nies qed ibatu minħabba n-nuqqas ta' ħeġġa mill-Gvern fis-settur tas-saħħa li wasslet għal nuqqas ta' 550 infermieri. #socjetalijimpurtaha

Posted by Partit Nazzjonalista on Monday, July 2, 2018

Il-Partit Laburista jwieġeb

Il-Partit Laburista ħareġ stqarrija bi tweġiba għal li qal il-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li qed jipprova jirranġa dak li wettaq il-Partit Nazzjonalista meta kien fil-Gvern, meta llimita n-numru ta’ studenti li jidħlu fil-kors universitarju għall-infermiera.

Il-PL qal ukoll li fetaħ skola ġdida għall-infermiera ma’ Steward Healthcare u l-MCAST, li skontu, il-PN ma appoġġjax.